STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-fiduċja pubblika tissaħħaħ bil-fatti, bil-kontrolli u bir-responsabbiltà" l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati
“Il-fiduċja pubblika tissaħħaħ bil-fatti, bil-kontrolli u bir-responsabbiltà." Dan kien il-messaġġ tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, waqt żjara ta' kortesija li għamillu l-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara.
Matul il-laqgħa, l-Ispeaker irringrazzja lis-Sur Deguara għall-ħidma kontinwa li jwettaq l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika favur amministrazzjoni pubblika aktar trasparenti, responsabbli u mibnija fuq governanza tajba.
L-Ispeaker qal li l-ħidma tal-Awditur Ġenerali tmur lil hinn minn verifika finanzjarja, għaliex tagħti serħan il-moħħ liċ-ċittadin li l-finanzi pubbliċi qed jiġu mħarsa b'serjetà u li min jamministra riżorsi pubbliċi għandu jagħti rendikont ta' għemilu.
F'dan ir-rigward, l-Ispeaker enfasizza wkoll ir-responsabbiltà li għandhom il-ħaddiema tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, li jwettqu dmirijiethom b'rettezza, professjonalità u sens qawwi ta' servizz lejn il-pajjiż. Huwa qal li din ir-rettezza għandha timxi id f'id mal-istess livell ta' rettezza li hija mistennija minn kull min għandu l-awtorità li jamministra, juża jew jonfoq il-finanzi pubbliċi.
F'dan il-kuntest, l-Ispeaker enfasizza l-importanza tal-indipendenza tal-Awditur Ġenerali bħala wieħed mill-pedamenti li jsaħħu l-Parlament u l-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet. Huwa sostna li l-Kamra tad-Deputati għandha tibqa' tagħti l-piż li jixraq lill-kontabbiltà pubblika, mhux bħala formalità, iżda bħala dmir demokratiku lejn il-pajjiż.
Ritratti: SPK
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922