Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-Foss ta’ Ħaż-Żabbar jilqa’ edizzjoni oħra taż-Żabbar Beer Fest

PR261105
Date Icon 01/07/2026

Il-Foss ta' Ħaż-Żabbar, biswit Bieb is-Sultan, għal darba oħra se jkun qed joffri ambjent uniku hekk kif bejn il-Ġimgħa 3 u s-Sibt 4 ta' Lulju se jilqa' edizzjoni oħra taż-Żabbar Beer Fest.

Id-dettalji dwar il-festival tħabbru mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-President tas-Soċjetà Filarmonica Maria Mater Gratiae ta' Ħaż-Żabbar Mario Aquilina.

L-edizzjoni ta' din is-sena se tkun ukoll waħda b'enfasi qawwija fuq is-sostenibbiltà. Permezz tal-kollaborazzjoni bejn is-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, il-Foss ta' Notre Dame, li sa ftit ilu kien spazju mitluq, ġie mnaddaf u ppreparat biex jilqa' dan l-avveniment kulturali.

B'dan il-mod, il-foss inbidel fi spazju miftuħ u attraenti li se joffri atmosfera unika ta' divertiment għal dawk kollha li se jattendu.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta' kif il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali u l-għaqdiet volontarji tista' tagħti ħajja ġdida lil spazji pubbliċi għall-ġid tal-komunità. Hija sostniet li l-ħidma tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ma tieqafx mat-tindif biss, iżda tikkontribwixxi wkoll biex jinħolqu spazji aktar siguri, nodfa u aċċessibbli fejn jistgħu jsiru attivitajiet kulturali u soċjali.

“Permezz tal-impenn u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema qed nagħtu ħajja ġdida lil spazji pubbliċi, biex illum ikunu jistgħu jintużaw mill-komunità għal attivitajiet kulturali. Dan huwa eżempju ċar ta' kif investiment fil-manutenzjoni u l-indafa jwassal għal kwalità ta' ħajja aħjar għaċ-ċittadini," temmet tgħid il-Ministru Zerafa Civelli.

Min-naħa tiegħu, il-President tas-Soċjetà Filarmonica Maria Mater Gratiae ta' Ħaż-Żabbar, Mario Aquilina spjega li l-edizzjoni ta din is-sena se tkun ikbar, grazzi għal għajnuna u s-sostenn mgħoti mill-Gvern anke permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Tkellem ukoll Kyle Magro, membru fi ħdan MMG Promotions fejn spjega li l-Ġimgħa 3 ta' Lulju se jkun hemm spettaklu mid-DJ leġġendarju Ġermaniż ATB. Magħruf l-iżjed għal diversi suċċessi mużikali u għall-ispettakli uniċi tiegħu f'festivals tant popolari madwar id-dinja, ATB se jkun qed iwettaq ritorn memorabbli ferm fuq din il-gżira.

Is-Sibt 4 ta' Lulju, se jkun iddedikat lill-mużika rock, hekk kif għall-ewwel darba f'Malta se jdoqqu Achtung Babies, waħda mill-aktar tribute bands rinomati ta' U2 fuq livell internazzjonali.

Matul iż-żewġ serati se jieħdu sehem ukoll numru ta' artisti u DJs Maltin magħrufa, fosthom Tenishia, Clay C, Ziggy, Memphis Mac, Pierre Cordina, Cathy K u Sussu, li flimkien se joffru programm varjat ta' divertiment.

Minbarra l-mużika, dawk li jattendu se jkunu jistgħu jgawdu minn attivitajiet interattivi, u żona ddedikata għat-tfal.

Bħala parti mill-impenn favur is-sostenibbiltà, matul il-festival se tiġi introdotta wkoll inizjattiva ta' tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw, bil-għan li jitnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart u jiġi mħeġġeġ l-użu ta' prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw.

Il-festival qed jiġi organizzat b'risq Puttinu Cares. L-attivitajiet se jibdew mis-7:00pm 'il quddiem fiż-żewġ serati, filwaqt li d-dħul għall-avveniment huwa mingħajr ħlas.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-Foss ta’ Ħaż-Żabbar jilqa’ edizzjoni oħra taż-Żabbar Beer Fest
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-Foss ta’ Ħaż-Żabbar jilqa’ edizzjoni oħra taż-Żabbar Beer Fest
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow