STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET
B’reazzjoni għall-istqarrija li ħarġet l-Oppożizzjoni rigward l-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet jiċċara li l-lista ta’ stennija hija waħda dinamika, fejn kuljum jidħlu applikazzjonijiet ġodda u fl-istess ħin isiru allokazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Fil-fatt, kif ġie kkonfermat f’mistoqsija parlamentari reċenti, fl-aħħar ta’ Ġunju l-lista kienet ta’ madwar 1,745 applikant, li juri li din mhijiex ċifra statika, iżda waħda li tirrifletti sitwazzjoni li tinbidel kontinwament.
Il-prijorità tal-Awtorità hija li tassigura stabbiltà fis-settur permezz ta’ pjan fit-tul. F’dan il-kuntest, fl-aħħar sentejn saru rekord ta’ 941 allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali, li wasslu biex il-lista ta’ stennija tibqa’ fost l-inqas livelli tagħha fl-aħħar 15-il sena, filwaqt li l-Awtorità tkompli tadatta għad-domanda u t-tendenzi ġodda.
Fl-istess waqt, l-Awtorità tkompli taġġorna u ssaħħaħ skemi ta’ assistenza mmirati bħall-Benefiċċju tal-Kera, li jipprovdu appoġġ ukoll lil dawk li jkunu qed jistennew soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Permezz tat-trasformazzjoni diġitali u titjib fil-proċessi, iż-żmien medju għall-ipproċessar ta’ dan il-benefiċċju naqas b’mod sinifikanti, minn 69 jum għal 23 jum.
Tajjeb ukoll li jiġi spjegat li miċ-ċifra ta' 50,000 persuna li rrikorrew għand l-Awtorità tad-Djar madwar 18,000 kienu talbiet relatati mar-reġistrazzjoni ta' kuntratti u ma' servizzi oħra marbuta mas-settur tal-kirjiet residenzjali privati.
Għaldaqstant, mhuwiex korrett li jingħad li l-50,000 każ kollha kienu talbiet għall-għajnuna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922