STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-membri akkademiċi tal-Junior College bi ftehim kollettiv ġdid li jtejbilhom il-kundizzjonijiet
Ser igawdu l-istudenti minn edukazzjoni dejjem aqwa
Il-Gvern kompla jsaħħaħ il-professjoni edukattiva permezz tal-iffirmar ta' Ftehim Kollettiv ġdid għal aktar minn 160 membru akkademiku tal-Junior College. Il-ftehim, bejn l-Università ta' Malta u l-Malta Union of Teachers (MUT) jkopri sa Diċembru 2029 u ser ikompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-progress fil-karriera u l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi, filwaqt li jkompli jikkonsolida l-kwalità tal-edukazzjoni li tingħata lill-istudenti tal-Junior College.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, sostna li dan jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern li jkompli jagħti valur lill-edukaturi u lill-professjoni akkademika, filwaqt li jsaħħaħ l-edukazzjoni post-sekondarja f'pajjiżna.
“L-edukazzjoni ta' kwalità tibda mill-edukaturi. Għalhekk huwa importanti li nibqgħu noħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom bl-aqwa mod. Dan il-ftehim jagħraf id-dedikazzjoni tagħhom, joffri aktar opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali u l-progress fil-karriera, u jkompli jsaħħaħ il-professjoni akkademika. Meta nagħtu aktar valur lill-edukaturi tagħna, inkunu qed ninvestu direttament fil-preżent u l-futur tal-istudenti u tal-pajjiż," qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru żied li l-Gvern ser ikompli jsaħħaħ is-sistema edukattiva permezz ta' djalogu kontinwu mal-istituzzjonijiet edukattivi u mas-sħab soċjali, sabiex l-edukaturi jkollhom l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa biex ikomplu joffru edukazzjoni ta' kwalità.
Il-ftehim il-ġdid jintroduċi diversi miżuri li jkomplu jsaħħu l-professjoni akkademika fil-Junior College, fosthom struttura aktar ċara għall-progress fil-karriera, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-pakkett finanzjarju, investiment kontinwu fl-iżvilupp professjonali, kif ukoll ġie mtejjeb ir-reklutaġġ u l-proċess dixxiplinarju, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u benefiċċji oħra li jirriflettu r-responsabbiltajiet tal-membri akkademiċi.
Il-ftehim ikompli wkoll isaħħaħ il-qafas li jirregola l-ħidma tal-edukaturi, filwaqt li joħloq aktar ċertezza u stabbiltà għall-membri akkademiċi u jkompli jippromwovi kultura ta' eċċellenza, innovazzjoni u żvilupp kontinwu fil-Junior College.
Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, Prof. Alfred J. Vella, qal li “Il-Junior College huwa parti importanti ħafna mill-Università ta' Malta għaliex il-maġġoranza tal-istudenti jiġu minn dan il-kulleġġ u huwa wkoll responsabbiltà tagħna. Huwa ta' sodisfazzjon li għalaqna dan il-ftehim kollettiv li nawgura li jkompli jsaħħaħ dan il-kulleġġ u jwassal biex l-istudenti jkunu servuti dejjem aħjar."
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Union of Teachers (MUT), Marco Bonnici, qal li dan il-Ftehim Kollettiv jirrappreżenta pass importanti fl-istorja tal-Junior College fi ħdan l-Università ta' Malta. Huwa sostna li l-ftehim ikompli jagħraf ir-rwol kruċjali tal-membri akkademiċi tal-istituzzjoni, filwaqt li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pakkett finanzjarju. Bonnici rringrazzja lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport u lill-Università ta' Malta għall-kollaborazzjoni tagħhom li wasslet għal dan il-ftehim importanti.
L-Industrial Relations Unit (IRU) innotaw li l-ħidma matul din il-leġiżlatura kompliet tkun waħda ffukata sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur edukattiv. Ġie enfasizzat li dan il-Ftehim Kollettiv jirrappreżenta pass ieħor importanti f'din id-direzzjoni, hekk kif madwar 160 membru akkademiku tal-Junior College se jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom, b'mod partikolari fil-pakkett finanzjarju. Ġie nnutat ukoll li l-ftehim ikompli joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-letturi jibqgħu jipprovdu edukazzjoni tal-ogħla kwalità b'impenn sħiħ lejn l-istudenti. Irringrazzjaw ukoll lill-partijiet kollha li kkontribwew sabiex intlaħaq dan il-ftehim.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922