STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Eluf ta' nies jattendu għall-Imnarja 2026 fil-Buskett
Eluf ta’ nies attendew għall-attivitajiet tal-Imnarja 2026, organizzati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, li għal darba oħra ġabru flimkien il-familji Maltin u Għawdxin sabiex jiċċelebraw wieħed mill-eqdem u l-aktar avvenimenti tradizzjonali ta' pajjiżna.
Matul diversi jiem ta’ attivitajiet, il-pubbliku kellu l-opportunità jgawdi minn programm estensiv li kien jinkludi wirjiet ta’ annimali, esebizzjonijiet ta'’makkinarju agrikolu, vetrini ta’ frott u ħxejjex, kompetizzjonijiet agrikoli, parata tradizzjonali ta’ karrozzini u karrettuni, logħob tradizzjonali Malti, għana, żfin folkloristiku, wirjiet multimedjali immersivi u diversi attivitajiet oħra li taw ħajja lill-Buskett u l-inħawi tiegħu.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet seħħ fit-28 u d-29 ta’ Ġunju fil-Buskett, fejn il-familji setgħu japprezzaw mill-qrib il-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala u l-produtturi lokali, filwaqt li gawdew l-atmosfera unika li tagħmel lill-Imnarja waħda mill-aktar festi tradizzjonali għal qalb il-poplu Malti.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li s-suċċess ta’ din l-edizzjoni juri kemm il-poplu Malti u Għawdxi għadu japprezza u jgħożż il-wirt agrikolu u rurali tiegħu.
“Din kienet edizzjoni oħra ta’ suċċess li rat eluf ta’ persuni jżuru l-Buskett u jipparteċipaw fl-attivitajiet organizzati. Dan juri li l-Imnarja tibqa’ tradizzjoni ħajja li tgħaqqad il-komunitajiet tagħna u fl-istess ħin tagħti r-rikonoxximent mistħoqq lill-bdiewa, lir-raħħala u lill-produtturi tagħna li kuljum jaħdmu biex iwasslulna ikel ta’ kwalità.”
Il-Ministru rringrazzja lill-entitajiet kollha involuti fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet, lill-ħaddiema, lill-voluntiera, lill-esebituri, lill-bdiewa, lir-raħħala u lill-produtturi kollha li taw sehemhom sabiex l-Imnarja 2026 tkun suċċess ieħor.
Id-Direttur għas-Servizzi ta’ Sapport fil-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Estelle Sant, irringrazzjat ukoll lill-pubbliku għall-attendenza numeruża u qalet li l-parteċipazzjoni qawwija tal-familji kompliet turi kemm dawn l-attivitajiet jibqgħu relevanti biex iqarrbu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar lejn il-produzzjoni lokali tal-ikel, il-biedja u t-tradizzjonijiet Maltin.
L-edizzjoni tal-Imnarja 2026 għal darba oħra kkonfermat il-valur ta’ din il-festa nazzjonali bħala ċelebrazzjoni tal-identità, tal-kultura u tal-wirt agrikolu Malti, filwaqt li kompliet issaħħaħ ir-rabta bejn il-pubbliku u dawk li kuljum jaħdmu fis-settur agrikolu.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922