STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Dr Omar Caruana maħtur Prosekutur Ewropew
Dr Omar Caruana ġie maħtur bħala l-Prosekutur Ewropew għal Malta fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO). Dan hekk kif il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għadu kif ħatar il-Prosekutur Ewropew li jirrappreżenta lil Malta biex jifforma parti mill-EPPO. Ġie maħtur ukoll il-Prosekutur Ewropew li jirrappreżenta lil Franza.
Dr Omar Caruana ġie maħtur wara sejħa pubblika fuq livell nazzjonali u wara proċess ta’ għażla fuq livell Ewropew. Dr Caruana issa se jkun stazzjonat fil-Lussemburgu fl-irwol tiegħu bħala Prosekutur Ewropew għar-Repubblika ta’ Malta.
Dan l-Uffiċċju huwa responsabbli mill-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja, ta’ dawk li huma awturi jew anke kompliċi, ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Responsabbli wkoll minn reati ta’ frodi, miżapproprjazzjoni, korruzzjoni, u frodi transkonfinali tal-VAT ta’ aktar minn €10 miljun. Dan huwa proġett ambizzjuż li Malta kienet fost l-ewwel stati membri li ssieħbet fih fl-2018. S’issa hemm 24 stat membru li qegħdin jipparteċipaw fl-EPPO.
L-EPPO għandu jwettaq il-funzjoni ta’ prosekutur fil-Qrati kompetenti tal-istati membri parteċipanti fir-rigward ta’ dawn ir-reati. Il-Prosekuturi Ewropej se jkunu qegħdin jissorveljaw l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ dawn ir-reati li jaffettwaw il-baġit Ewropew f’kulleġġ, flimkien mal-Kap Prosekutur Ewropew, Laura Codruța Kövesi.
Il-Gvern jawgura lil Dr Omar Caruana għal dan ir-rwol tant prestiġjuż.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922