Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Pass importanti ieħor għall-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija (IC2)

PR261093
Date Icon 29/06/2026

•Tiġi fi tmiemha l-manifattura tiegħu u jitlesta b’suċċess l-ittestjar tiegħu fil-fabbrika ta’ Charlston

Punti Ewlenin:

- Tlestiet il-manifattura tal-cable ta’ taħt il-baħar twil mija u tliet (103) kilometri fil-faċilità ta’ Nexans f’Charleston, l-Istati Uniti.

- Tlesta b’suċċess programm estensiv ta’ testijiet fil-fabbrika biex tiġi żgurata l-integrità operattiva tal-cable.

- Il-cable tpoġġa b’mod sigur fuq carousel apposta u issa jinsab lest biex jitgħabba fuq il-bastiment sabiex imbagħad jitqiegħed taħt il-baħar aktar tard din is-sena.

Il-proġett tat-tieni konnessjoni tal-elettriku bejn Malta u Sqallija (IC2) laħaq tragward ieħor bit-tlestija tal-manifattura u l-ittestjar tal-cable ta’ taħt il-baħar.

Il-manifattura tal-cable ta’ vultaġġ għoli tlestiet fil-faċilità ta’ Nexans f’Charleston, fl-Istati Uniti, wara proċess estensiv ta’ produzzjoni li kien mifrux fuq sena sħiħa.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Dr Miriam Dalli, qalet:

“Dan huwa pass sinifikanti fit-twettiq tal-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija. It-tlestija b’suċċess tal-manifattura u l-ittestjar tal-cable ta’ taħt il-baħar, flimkien mat-tlestija tal-preparamenti meħtieġa sabiex ikun jista’ jitpoġġa, teħodna pass ieħor lejn il-fażi tal-installazzjoni. IC2 huwa investiment strateġiku li se jsaħħaħ il-konnessjoni tal-elettriku ta’ Malta man-netwerk Ewropew, iżid ir-reżiljenza tas-sistema, jiffaċilita aktar integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jikkontribwixxi għall-għanijiet fit-tul tal-pajjiż fit-tranżizzjoni tiegħu lejn id-dekarbonizzazzjoni,” qalet il-Ministru Dr Miriam Dalli.

Il-proċess tal-manifattura kien jinvolvi diversi stadji speċjalizzati. Dan beda bil-produzzjoni tal-cables tal-fibre optic fin-Norveġja u l-manifattura tal-partijiet tar-ram fil-forma u d-daqs meħtieġ. Wara li tlestew il-partijiet tal-insulazzjoni u s-saffi protettivi, it-tliet fażijiet tal-cable ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw il-cable sħiħ. Sussegwentement sar il-proċess tal-azzar, li jagħti lill-cable s-saħħa strutturali u l-protezzjoni mekkanika meħtieġa għall-installazzjoni taħt il-baħar u għall-operat tiegħu.

Il-cable ġie mmanifatturat f’sezzjonijiet ta’ madwar għaxar kilometri l-waħda, li ġġantu fil-fabbrika biex jiffurmaw żewġ tulijiet prinċipali. Waħda minn dawn tinkludi wkoll il-cable ta’ riżerva li se jinżamm Malta biex ikun jista’ jintuża f’każ ta’ emerġenza jew għal xogħlijiet ta’ tiswija fil-futur.

Tul il-proċess kollu, u b’mod partikolari fi tmiemu, il-cable għadda minn sensiela rigoruża ta’ testijiet sabiex jiġu vverifikati l-ogħla standards ta’ kwalità, prestazzjoni u affidabbiltà. Wara li tlestew dawn il-proċeduri, il-cable tqiegħed b’attenzjoni fuq carousel apposta, biex ikun jista’ jiġi trasportat b’mod sigur meta jitgħabba fuq il-bastiment aktar tard din is-sena.

Fil-fażi li jmiss issa l-cable mistenni li jitgħabba fuq in-Nexans Electra, il-bastiment il-ġdid li permezz tiegħu se jitqiegħed taħt il-baħar. It-tnedija ta’ dan il-bastiment avvanzat tirrappreżenta żvilupp ieħor importanti għat-tieni interconnector u se tippermetti li l-installazzjoni ssir b’mod effiċjenti u preċiż aktar tard din is-sena.

Dan il-progress kien possibbli wkoll grazzi għat-tlestija b’suċċess tax-xogħlijiet ta’ tindif u preparazzjoni tar-rotta marittima, li ntemmu l-ġimgħa li għaddiet. B’hekk li l-kuritur fejn se jiġi installat il-cable huwa ħieles minn kull ostaklu u periklu.

“Kburin li qed naħdmu ma’ msieħba internazzjonali ewlenija biex inwasslu infrastruttura li ssaħħaħ is-sigurtà tal-elettriku ta’ Malta. It-tlestija tal-manifattura u l-ittestjar estensiv tal-cable ta’ taħt il-baħar twil mija u tliet (103) kilometri fil-faċilità ta’ Nexans f’Charleston tirrappreżenta kisba teknika u loġistika importanti fit-twettiq tal-proġett. It-tlestija tax-xogħol preparatorju marbut mar-rotta marittima u t-tnedija tan-Nexans Electra jagħtuna l-kunfidenza biex nimxu għall-fażi li jmiss, jiġifieri t-tqegħid tiegħu taħt il-baħar aktar tard din is-sena. Dawn il-passi jirriflettu l-livell għoli ta’ koordinazzjoni u kompetenza fost l-imsieħba kollha tal-proġett hekk kif qed noqorbu iktar sabiex inlestu din l-infrastruttura strateġika tant importanti għall-pajjiż,” qal il-Maniġer tat-Taqsima tad-Disinn u l-Awtomatizzazzjoni ta’ InterConnect Malta, Dott. Inġ. Joseph Vassallo.

Il-proġett ġie rikonoxxut bħala “Operazzjoni ta’ Importanza Strateġika” fil-Programm 2021–2027. L-ammont tal-finanzjament Ewropew allokat hu ta’ €261 miljun.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Pass importanti ieħor għall-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija (IC2)
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Pass importanti ieħor għall-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija (IC2)
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow