Left arrow Go Back

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Malta tikseb l-appoġġ biex il-proġett tal-pipeline jibqa’ eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea

pr261090
Date Icon 27/06/2026

Malta kisbet l-appoġġ tal-Istati Membri għall-estensjoni ta’ deroga li tippermetti li l-proġett tal-pipeline, kompatibbli mal-idroġenu, jibqa’ rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea bħala Proġett ta’ Interess Komuni (Project of Common Interest) u jibqa’ eliġibbli biex potenzjalment jibbenefika minn finanzjament Ewropew.

Il-Ministri għall-Enerġija tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu l-Ġimgħa fil-Lussemburgu, fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħaq Pożizzjoni Ġenerali dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tat-TEN-E.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill issa trid tgħaddi għan-negozjati tat-trilogu mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew qabel jiġi adottat it-test finali.

“Dan huwa pass importanti ’l quddiem għal Malta, li jirrifletti r-realtajiet ġeografiċi ta’ pajjiżna, filwaqt li jibqa’ konformi mal-istrateġija fit-tul tal-Gvern u mal-viżjoni tagħna biex sal-2050 is-settur tal-produzzjoni tal-elettriku jkun dekarbonizzat. Assigurajna l-appoġġ tal-Kunsill biex il-proġett tal-pipeline jibqa’ eliġibbli għal finanzjament potenzjali mill-Unjoni Ewropea, grazzi għat-tim kollu Malti li ħadem fuq din il-pożizzjoni. Minħabba li l-pipeline huwa ddisinjat biex ikun kompatibbli mal-idroġenu, pajjiżna se jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ jingħaqad man-netwerk Ewropew tal-idroġenu u mas-suq tal-idroġenu li qed jiżviluppa,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Dr Miriam Dalli.

Mid-dħul fis-seħħ tagħha fl-2021, din id-deroga kienet kruċjali biex il-proġett tal-pipeline jibqa’ jżomm l-istatus ta’ Proġett ta’ Interess Komuni (PCI) fil-Listi tal-Unjoni tal-2023 u tal-2025. Id-deroga tissalvagwardja wkoll l-eliġibbiltà tal-proġett għal finanzjament mill-programm Connecting Europe Facility (CEF).

L-estensjoni proposta tad-deroga ngħatat l-appoġġ fuq il-bażi li Malta u Ċipru għadhom fiżikament iżolati min-netwerk trans-Ewropew tal-gass u min-netwerk futur tal-idroġenu fl-Ewropa. Id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri laqgħu l-argumenti favur ir-realtajiet ġeografiċi ta’ Stati Membri gżejjer żgħar, u qablu li konnessjoni permezz ta’ pipeline għal dawn iż-żewġ pajjiżi tibqa’ objettiv importanti għall-Unjoni Ewropea.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti wkoll il-fehma li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-konnessjonijiet permezz ta’ pipeline m’għandhiex tfixkel il-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija jew l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa u tal-infrastruttura relatata magħhom.

Matul l-istess laqgħa tal-Kunsill, id-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea adottaw ukoll Pożizzjoni Ġenerali dwar Direttiva li għandha l-għan li tħaffef il-proċessi tal-permessi għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Ministri tal-Enerġija qasmu wkoll fehmiet dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ tilħaq bl-aħjar mod l-għanijiet tagħha fil-qasam tal-enerġija għall-perjodu ta’ wara l-2030, filwaqt li kkoordinaw il-miżuri ta’ rispons fid-dawl tat-tensjonijiet ġeopolitiċi fil-Lvant Nofsani.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow