Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA L-IPPJANAR U X-XOGĦOL, IL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

pr261084
Date Icon 26/06/2026

Iffirmat ftehim kollettiv lejn standards ogħla fis-settur tal-food couriers

Il-Ministru għall-Infrastruttura l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard, il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett, u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti ppresjedew fuq l-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA) li jimmarka pass storiku għall-ħaddiema fis-settur tal-food couriers f’Malta u Għawdex. 

Dan il-ftehim jistabbilixxi qafas ċar ta’ drittijiet u obbligi li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li joffri aktar ċertezza u stabbiltà lill-operaturi tas-settur.

Il-Ministru Attard qal li, “Dan huwa żvilupp importanti ħafna għas-settur tal-food couriers fejn mhux biss qed nassiguraw li jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha, iżda wieħed jittama wkoll li issa dan l-iżvilupp jinxtered fis-settur kollu biex nassiguraw li jkun hemm level playing field u ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn dawk li jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jiġu żvantaġġati fis-settur.”

Il-ftehim isaħħaħ ukoll ir-rappreżentanza tal-ħaddiema permezz tat-trade union u jippromwovi djalogu soċjali kostruttiv bejn il-partijiet kollha involuti. Dan huwa pass importanti lejn aktar professjonalità, trasparenza u sostenibbiltà fis-settur, filwaqt li jassigura kundizzjonijiet tax-xogħol aktar ġusti u kompetizzjoni ġusta fost l-operaturi.

Il-Ministru Azzopardi Tanti qal li "Dan il-ftehim huwa xhieda ta’ maturità kbira. Qed indaħħlu strutturi moderni ta’ governanza li jiggarantixxu trasparenza u fiduċja reċiproka. Din hija t-triq ‘il quddiem li jemmen fiha dan il-Gvern, ekonomija li tħares ‘il quddiem  fejn biex nimxu bħala nazzjon, irridu nimxu flimkien."

Fost il-miżuri ewlenin hemm l-introduzzjoni ta’ rata bażika ogħla mill-paga minima nazzjonali, kif ukoll dispożizzjonijiet relatati mas-sigħat tax-xogħol, il-ħlas tas-sahra, is-sick leave, il-vacation leave, il-bonuses statutorji u standards aktar b’saħħithom ta’ saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol.

Il-Ministru Bonett qal li, “Dan huwa ftehim fejn jirbaħ kulħadd. Jirbaħ il-ħaddiem, li jingħata kundizzjonijiet aħjar u aktar protezzjoni, u jirbaħ ukoll min iħaddem, li jagħmel investiment u jieħu riskju. Dan huwa ftehim importanti li se jiftaħ il-bieb għal aktar ftehimiet simili, filwaqt li joħloq aktar ċertezza u benefiċċji għall-ħaddiema, l-operaturi u l-konsumaturi.”

Dan il-ftehim jirrifletti l-impenn komuni biex jitkomplew jitjiebu l-istandards tax-xogħol u biex is-settur tal-food delivery ikompli jikber fuq bażi sostenibbli, għall-benefiċċju tal-ħaddiema, tal-operaturi u tal-ekonomija Maltija.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA) is-Sur Iousef Meli qal li dan il-ftehim ipoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru ta’ kollox.

“Inħarsu ’l quddiem biex inkomplu naħdmu id f’id mal-unions, mal-Gvern u l-entitajiet li ser ikunu kkonċernati fis-settur tagħna”, żied jgħid is-Sur Meli.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU s-Sur Kevin Abela qal li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa pass importanti wara ħafna xhur ta’ negozjati u sfidi li kellhom jiġu affaċċjati.

“Dawn il-ħaddiema illi kienu dejjem fid-dell u qatt ma jitilgħu fil-wiċċ tal-tad-diskussjoni issa fl-aħħar ħa jieħdu dak li ħaqqhom,” temm jgħid is-Sur Abela.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU s-Sur Kevin Camilleri, Il-President tal-GWU s-Sur Jason Deguara, is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-GWU Brian Bonnici, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima s-Sur Johann Spiteri u l-Kordinatur tat-TCNs fi ħdan il-GWU is-Sur Manav Sanger.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA L-IPPJANAR U X-XOGĦOL, IL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA L-IPPJANAR U X-XOGĦOL, IL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA L-IPPJANAR U X-XOGĦOL, IL-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow