STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-Ministru Clint Camilleri jappella għal Politika Komuni tas-Sajd li tirrifletti l-ħtiġijiet ta' reġjuni bħal Għawdex
Il-Ministru Clint Camilleri jappella għal Politika Komuni tas-Sajd li tirrifletti l-ħtiġijiet ta' reġjuni bħal Għawdex
Waqt laqgħa ta' livell għoli dwar il-futur tal-Politika Komuni tas-Sajd (CFP), il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri enfasizza li r-riformi futuri għandhom jirriflettu aħjar ir-realtajiet differenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari dawk tal-gżejjer periferali bħal Għawdex. Huwa sostna li “l-komunitajiet kostali u dawk tal-gżejjer żgħar għandhom ikunu fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Politika Komuni tas-Sajd sabiex il-politika tibqa' rilevanti u tkompli ssaħħaħ il-vijabbiltà u r-reżiljenza tas-settur tas-sajd kif ukoll is-sostenibbiltà u l-iżvilupp tal-komunitajiet, speċjalment dawk li jinsabu fil-periferija."
Il-Ministru Camilleri indirizza laqgħa Ewropea ta' livell għoli bit-tema “Charting CFP Reform to Secure the Future of Europe's Fisheries and Coastal Communities", organizzata mill-Gvern Reġjonali ta' Galicia u l-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferali (CPMR) ospitata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fi Brussell. L-attività laqqgħet flimkien Membri tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, awtoritajiet reġjonali u partijiet ikkonċernati mis-settur sabiex jiddiskutu l-futur tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-viżjoni tal-Unjoni Ewropea għas-settur sal-2040, it-tranżizzjoni tal-enerġija fis-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-prijoritajiet finanzjarji għall-perjodu 2028–2034.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega kif Għawdex għandu interess dirett fil-futur tal-politika Ewropea tas-sajd, peress li ambjent marittimu b'saħħtu hu marbut mill-qrib mal-prosperità tal-gżira fejn is-sajd, l-akkwakultura, it-turiżmu u attivitajiet oħra marittimi għandhom rwol kruċjali fis-sostenn u l-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku. Għaldaqstant, sostna li “Għawdex jappoġġja turiżmu sostenibbli u settur tas-sajd li jipproteġi l-ambjent kostali, jippreserva ekosistemi marittimi b'saħħithom, jappoġġja lill-komunitajiet lokali u jiżgura sostenibbiltà ekonomika fit-tul."
Madankollu, it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà għandha titwettaq b'mod li jirrifletti bis-sħiħ ir-realtajiet differenti tal-Istati Membri, partikolarment gżejjer bħal Għawdex, li jiffaċċjaw limitazzjonijiet ġeografiċi u strutturali distinti li jeħtieġu approċċi mfassla apposta u appoġġ adegwat. Il-Ministru Camilleri stqarr li kwalunkwe bidla lejn sorsi ta' enerġija aktar sostenibbli fis-settur tas-sajd għandha tkun realistika u kkalkulata bir-reqqa. Fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-enerġija fis-settur tas-sajd, il-Ministru Camilleri enfasizza li din għandha tkun waħda realistika u gradwali. Huwa spjega li l-miżuri ta' appoġġ għandhom jibqgħu flessibbli biżżejjed biex jirriflettu r-realtajiet operattivi tas-sajjieda, b'mod partikolari dawk tal-flotot fuq skala żgħira.
Hawnhekk, il-Ministru Clint Camilleri appella lill-Kummissjoni biex tevita approċċ uniformi, “one-size-fits-all", fil-Politika Komuni tas-Sajd tal-futur u qal li d-deċiżjonijiet ta' immaniġġjar għandhom ikunu proporzjonati u bbażati fuq l-evidenza b'mod partikolari għal reġjuni bħal Għawdex, fejn il-flotta tas-sajd hija magħmula prinċipalment minn sajd fuq skala żgħira u sajd artiġjanali.
Il-Ministru saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tassigura finanzjament adegwat biex tappoġġja lis-sajjieda u lill-komunitajiet kostali fit-tranżizzjonijiet klimatiċi, ambjentali u tal-enerġija li jinsabu għaddejjin. Huwa sostna li l-awtoritajiet reġjonali għandhom rwol essenzjali fit-tfassil ta' politiki li jirriflettu l-ħtiġijiet reali tat-territorji u tal-komunitajiet marittimi.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li fil-preżent, teknoloġiji kompletament newtrali fil-karbonju għadhom mhumiex disponibbli b'mod mifrux, speċjalment għal bastimenti żgħar tas-sajd. Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni fl-enerġija jibqa' gradwali, realistiku u bbażat fuq evidenza konkreta.
Ritratt: MFG
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922