Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Tagħlim tul il-ħajja – aktar minn 450 kors għaż-żgħażagħ u l-adulti

PR261071
Date Icon 25/06/2026


Aktar opportunitajiet biex wieħed jitgħallem, jiżviluppa u jirnexxi f'kull stadju tal-ħajja

Aktar minn 450 kors se joffru opportunitajiet ta' tagħlim u żvilupp tal-ħiliet għal eluf ta' żgħażagħ u adulti, hekk kif il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport nieda l-Prospett għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2026/2027.

Il-Prospett, imniedi mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, jinkludi korsijiet f'madwar 100 suġġett differenti għal persuni ta' 15-il sena jew aktar, bil-għan li jkomplu jsaħħu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, filwaqt li jtejbu l-opportunitajiet għall-iżvilupp edukattiv, personali u professjonali.

Il-Ministru Byron Camilleri saħaq li t-tagħlim tul il-ħajja għandu rwol kruċjali fil-bini ta' soċjetà aktar b'saħħitha, inklużiva u preparata għall-isfidi tal-futur.

“L-edukazzjoni ma tiqafx mal-iskola jew mal-istudji formali, iżda tibqa' proċess kontinwu li jakkumpanja lill-persuna tul ħajjitha kollha. F'dinja li qed tinbidel b'pass mgħaġġel, il-ħiliet u l-għarfien għandhom jiġu aġġornati kontinwament. Għalhekk qed inkomplu ninvestu f'opportunitajiet ta' tagħlim li jagħtu lill-individwi l-għodda meħtieġa biex jikbru, jadattaw u jirnexxu. Dan il-Prospett jirrifletti l-impenn tagħna li nkomplu nressqu l-edukazzjoni eqreb lejn il-komunità, filwaqt li noħolqu aktar opportunitajiet biex persuni ta' kull età jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom," qal il-Ministru Camilleri.

Id-Direttur tad-DLE, Grazio Grixti, spjega kif il-Prospett huwa allinjat mal-Istrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2023–2030 u jkompli jibni fuq l-interess dejjem jikber fit-tagħlim fost l-adulti. Fil-fatt, matul is-sena akkademika li għaddiet, id-Direttorat irċieva 18,471 applikazzjoni, ċifra li tkompli tikkonferma d-domanda qawwija għal opportunitajiet ta' tagħlim kontinwu.

Il-Prospett jinkludi firxa estensiva ta' korsijiet fl-oqsma tan-Negozju, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-Arti Kreattiva, l-Istudji Umanistiċi, l-Iżvilupp Personali u l-Lingwi. Fost il-korsijiet il-ġodda introdotti għal din is-sena hemm il-Kalligrafija, il-Portugiż, il-pronunzja tal-Ingliż, il-ġestjoni tal-ħin u l-istress, kif ukoll korsijiet preparatorji għal diversi eżamijiet.

Sabiex it-tagħlim jibqa' aċċessibbli għal kulħadd, persuni ta' 60 sena jew aktar huma intitolati għal kors wieħed bla ħlas kull sena, filwaqt li japplikaw ukoll eżenzjonijiet mill-ħlas għal persuni li jirċievu benefiċċji soċjali u detenturi tal-Karta tad-Diżabilità.

L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa mill-1 sal-31 ta' Lulju 2026 fuq lifelonglearning.gov.mt, fiċ-ċentri ta' Servizz.gov jew permezz tal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex.

Il-Prospett jista' jiġi aċċessat hawn: https://lifelonglearning.gov.mt/prospectus/

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow