Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 3,300 vawċer għall-internet għall-istudenti

PR261058
Date Icon 23/06/2026

Aktar minn 3,300 student se jibbenefikaw minn sena internet b'xejn permezz ta' vawċer b'valur ta' €300, hekk kif il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-edukazzjoni u fl-aċċess għat-teknoloġija bl-internet biex aktar żgħażagħ ikollhom l-għodod meħtieġa biex jirnexxu fl-istudji tagħhom.

Din l-inizjattiva hija mmirata lejn studenti eliġibbli għall-istipendju li matul is-sena akkademika 2025/2026 bdew jistudjaw għall-ewwel darba fil-livell post-sekondarju, fosthom fil-Junior College, il-Higher Secondary, l-MCAST u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) fost oħrajn. Permezz ta' din l-iskema, l-istudenti se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizz tal-internet għal 12-il xahar mingħand wieħed mill-fornituri tas-servizzi tal-internet fil-pajjiż.

L-inizjattiva tifforma parti mill-ħidma kontinwa tal-Gvern sabiex l-edukazzjoni tibqa' aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li tkompli tnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji u tiffaċilita l-aċċess tal-istudenti għall-għodod diġitali li llum huma essenzjali għat-tagħlim, ir-riċerka, il-komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, qal li din l-iskema hija eżempju konkret ta' kif il-Gvern qed ikompli jinvesti direttament fl-istudenti u fil-futur tagħhom.

“F'dinja dejjem aktar diġitali, l-aċċess għall-internet m'għadux lussu iżda neċessità. Huwa għalhekk li qed inkomplu ninvestu f'inizjattivi li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tal-istudenti u tal-familji tagħhom. Irridu li kull student ikollu l-istess opportunitajiet biex jitgħallem, jiżviluppa l-potenzjal tiegħu u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Din l-iskema hija investiment dirett fil-futur taż-żgħażagħ tagħna u fil-futur tal-pajjiż," qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru żied li din l-inizjattiva tibni fuq sensiela ta' miżuri oħra li ttieħdu matul l-aħħar snin sabiex jissaħħaħ l-aċċess għall-edukazzjoni u għat-teknoloġija, filwaqt li aktar studenti jingħataw l-opportunità li jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom mingħajr ostakli bla bżonn.

L-istudenti eliġibbli huma dawk li temmew l-edukazzjoni obbligatorja tagħhom fl-2025, komplew jistudjaw fil-livell post-sekondarju u jirriżultaw eliġibbli għall-istipendju. Studenti li qed itemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom din is-sena se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema s-sena d-dieħla, sakemm ikomplu jistudjaw fil-livell postsekondarju u jiġu kkonfermati bħala eliġibbli għall-istipendju.

Din l-iskema ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-2021 u minn dakinhar 'l hawn aktar minn 9,200 student ibbenefikaw minn sena internet b'xejn. Din is-sena biss, il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn miljun ewro sabiex ikompli jappoġġja lill-istudenti fil-vjaġġ edukattiv tagħhom.

Mill-bieraħ, it-Tnejn 22 ta' Ġunju, l-istudenti eliġibbli bdew jirċievu email mit-Taqsima tal-Għotjiet ta' Manteniment għall-Istudenti sabiex jagħżlu l-fornitur tas-servizz tal-internet preferut tagħhom. Il-vawċers se jibdew jitqassmu minn nofs Lulju u jistgħu jissarrfu sat-30 ta' Settembru 2026.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow