Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Xjenza Malta u OGS jiffirmaw ftehim biex isaħħu l-kooperazzjoni fir-riċerka fil-Mediterran

pr261051
Date Icon 22/06/2026

Xjenza Malta u l-Istituto Nazionale di Oceanografia e di Geofisica Sperimentale (OGS) tal-Italja ffirmaw ftehim bil-għan li jissaħħu l-kollaborazzjoni fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-bini tal-kapaċità xjentifika madwar ir-reġjun tal-Mediterran.

Il-ftehim ġie ffirmat waqt avveniment li sar fil-Planetarium f’Esplora, segwit mill-ftuħ uffiċjali tal-Iskola tas-Sajf AMARE-MED 2026, skola avvanzata dwar ‘Multispecies Modelling Approaches for Ecosystem-Based Marine Resource Management in the Mediterranean Sea’, li l-edizzjoni ta’ din is-sena qed tiġi organizzata f’Malta.

Il-ftehim jibni fuq sħubija diġà stabbilita bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet permezz ta’ diversi inizjattivi Ewropej u Mediterranji, inklużi JPI Oceans, id-Djalogu 5+5 dwar ir-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Edukazzjoni Għolja, BlueMissionMed, is-Sħubija għal Ekonomija Blu Sostenibbli, l-Alleanza ONE Water u l-attivitajiet ta’ Horizon Europe.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima ddeskriva l-ftehim bħala pass importanti fit-tisħiħ tar-rabtiet xjentifiċi bejn Malta u l-Italja. “Ninsab kuntent li din l-okkażjoni tiffoka fuq il-kollaborazzjoni xjentifika internazzjonali. Turi kif sħubijiet b’saħħithom jistgħu joħolqu opportunitajiet tanġibbli kemm għar-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet u s-soċjetà b’mod ġenerali”, qal il-Ministru Grima. 

Huwa stqarr ukoll li, “Din is-sħubija hija allinjata mill-qrib mal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta’ Malta, li jpoġġi enfasi qawwija fuq l-eċċellenza fir-riċerka, l-internazzjonalizzazzjoni, l-iżvilupp tat-talent u t-tisħiħ tal-ekosistema nazzjonali tagħna tar-riċerka u l-innovazzjoni. Tallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050, fejn l-għarfien, l-innovazzjoni u l-kapital uman huma rikonoxxuti bħala muturi essenzjali tal-prosperità, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà fit-tul”.

F’diskors ta’ introduzzjoni, Prof. Nicola Casagli, President tal-Istituto Nazionale di Oceanografiae di Geofisica Sperimentale (OGS) qal, “L-iffirmar ta' dan il-ftehim ma' Xjenza Malta jimmarka pass sinifikanti fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni xjentifika tul il-Mediterran. Permezz ta' din l-isħubija, OGS u Xjenza Malta se jippromwovu riċerka konġunta, tisħiħ fil-kapaċitajiet, aċċess għal infrastrutturi tar-riċerka, u l-iżvilupp ta' opportunitajiet ġodda fi programmi Ewropej u internazzjonali. Flimkien, qegħdin ninvestu fl-għarfien, l-innovazzjoni, u l-futur sostenibbli tal-baħar tagħna lkoll”.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri spjega kif il-ftehim jifformalizza relazzjoni li diġà tat valur sinifikanti permezz ta’ proġetti u għanijiet komuni. Huwa rrimarka, “Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ixprunar xjentifiku. Din is-sħubija ssaħħaħ il-kapaċità tar-riċerka, twessa’ l-aċċess għall-għarfien espert u l-infrastruttura, u toħloq opportunitajiet ġodda għal parteċipazzjoni fi programmi Ewropej u internazzjonali”.

Dr Maria Azzopardi, Direttur tat-Taqsima tal-Internazzjonalizzazzjoni ta’ Xjenza Malta, enfasizzat l-importanza tal-investiment fir-riċerkaturi u t-trawwim ta’ networks internazzjonali. “Fi Xjenza Malta, aħna nemmnu bis-sħiħ li l-investiment fin-nies huwa wieħed mill-aktar investimenti importanti li nistgħu nagħmlu. L-appoġġ għar-riċerkaturi, partikolarment dawk fl-istadji bikrija tal-karrieri tagħhom, huwa kruċjali jekk irridu nibnu l-għarfien espert, il-ħiliet u t-tmexxija li se jixprunaw l-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi futuri.”

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Xjenza Malta u OGS jiffirmaw ftehim biex isaħħu l-kooperazzjoni fir-riċerka fil-Mediterran
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Xjenza Malta u OGS jiffirmaw ftehim biex isaħħu l-kooperazzjoni fir-riċerka fil-Mediterran
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Xjenza Malta u OGS jiffirmaw ftehim biex isaħħu l-kooperazzjoni fir-riċerka fil-Mediterran
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow