STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm “Summer in Gozo 2026” b’diversi attivitajiet f’Għawdex minn Lulju sa Settembru
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda uffiċjalment il-programm “Summer in Gozo 2026”, programm kulturali estensiv li qed joffri kalendarju varjat ta’ attivitajiet madwar Għawdex matul ix-xhur tas-sajf minn Lulju sa Settembru.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li dan il-programm qed ikompli jibni fuq is-suċċess tas-snin preċedenti bil-għan li juri l-ħajja kulturali, is-sbuħija u l-karattru distintiv ta’ Għawdex. Huwa kompla jgħid li "għalkemm Għawdex huwa magħruf għall-ġmiel naturali tiegħu, il-gżira tagħna toffri ferm aktar minn baħar u xemx. Għawdex huwa post fejn il-kultura hija ħajja u ngħixuha ta’ kuljum. Dan narawh fil-wirt tagħna, fl-espressjoni artistika, fil-mużika, fit-tradizzjonijiet u fuq kollox fis-sens qawwi ta’ identità li jiddistingwi lill-komunitajiet tagħna.”
Fis-sajf, il-ħajja kulturali f'Għawdex tinħass aktar għaliex il-pjazez, it-toroq u l-ispazji miftuħa jinbidlu f’ċentri ta’ attività li jilqgħu kunċerti, wirjiet artistiċi, attivitajiet kulturali u ċelebrazzjonijiet komunitarji.
Il-Ministru enfasizza li l-programm mhux biss isaħħaħ l-esperjenza ta’ dawk li jżuru l-gżira iżda wkoll, jikkontribwixxi għall-ħajja soċjali u kulturali tar-residenti. Huwa sostna li "permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, inkomplu nqiegħdu lil Għawdex bħala destinazzjoni ta’ kwalità, awtentiċità u attrazzjoni matul is-sena kollha.”
Fost l-attivitajiet ewlenin tal-programm hemm il-festi tradizzjonali Għawdxin, li jibqgħu element ċentrali fil-ħajja tal-komunitajiet, Ħondoq by Night, Closer to the Voice Charles Buttigieg Live, il-Gozo Food Festival, Xwejni Music Fest, Opera vs Pop under the Stars, Gozo Ceramic Festival, D Capitals Live at Cittadella, Rock Legends, Wirja ta' Biedja u Snajja', Gozo Film Festival 2026, Levant Music Fest u l-Gozo Puppets Festival.
Il-Ministru Clint Camilleri stieden lir-residenti u lill-viżitaturi kollha biex jieħdu sehem fl-attivitajiet organizzati matul is-sajf. "Kemm jekk wieħed ikun qed ifittex il-mużika, it-tradizzjoni jew l-espressjoni artistika, is-sajf f’Għawdex se joffri xi ħaġa għal kulħadd. Nawgura li l-programm ta’ din is-sena jkompli jgħaqqad lin-nies flimkien u joħloq mumenti memorabbli għal dawk kollha li jagħżlu li jqattgħu s-sajf tagħhom f’Għawdex,” temm jgħid il-Ministru.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://eventsingozo.com/summer-in-gozo-2026/ jew mill-app Events in Gozo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922