STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Is-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi li spikkaw f’ħidmiethom
F’ċerimonja li saret fil-Kastell Verdala taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, ġew ippremjati uffiċjali pubbliċi li spikkaw f’ħidmiethom.
Fid-diskors tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet lill-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku għas-servizz tagħhom lejn il-pubbliku, u l-ħidma kontinwa li qed issir sabiex dan is-servizz ikompli jissaħħaħ, jiġġedded u jwieġeb aħjar għar-realtajiet tal-lum.
Waqt li indirizzat lill-uffiċjali preżenti għal din is-serata, il-President tkellmet dwar il-kompetenza teknika, l-imparzjalità, il-lealtà lejn il-Kostituzzjoni u r-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi li għandu jkollhom il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku fil-ħidma tagħhom, u l-prinċipji ta’ etika, trasparenza u kontabilità li għandu jkun imsejjes fuqhom is-Servizz Pubbliku biex ikompli jaqdi l-missjoni tiegħu, waqt li ċ-ċittadini jiġu trattati b’dinjità u rispett.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li s-serata tal-Awards hija okkażjoni ta’ apprezzament għall-uffiċċjali pubbliċi li jkunu għamlu aktar minn dak mistenni minnhom. Karriera ta’ uffiċjal pubbliku, hu min hu, jew hi min hi, fiha s-sagrifiċċji imma r-riżultati jaslu u finalment inkunu qed intejbu l-ħajja tan-nies.
Huwa appella lill-uffiċċjali li filwaqt li hemm rikonoxximent għall-ħidma tas-Servizz Pubbliku, għad hemm kritika li mhux dejjem tkun kostruttiva. Biex inwieġbu din it-tip ta’ kritika ma għandniex nirrispondu bil-kliem imma b’aktar xogħol u aktar suċċessi.
“Kulma jmur il-poplu Malti qed jagħraf dejjem iktar kemm l-amministrazzjoni pubblika hija mogħnija b’nies ta’ kwalità, bl-għan finali dejjem ikun li nagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies.”
Ir-rikonoxximenti li ngħataw matul is-serata kienu dawn:
Il-Quality Award ingħata lill-Healthcare Funding Department (magħruf aħjar bħala l-Entitlement Unit) fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa. Dan id-dipartiment kiseb l-aqwa riżultati f’termini ta’ kwalità tas-servizz mogħti. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, id-Dipartiment tal-Eżamijiet, it-team tal-Community Policing tal-Pulizija, il-European Union Programmes Agency (EUPA) u Residency Malta Agency kisbu l-Quality Label.
Il-Best Practice in Good Governance Award ingħata lil Transport Malta. Dan bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom wara analiżi pożittiva mill-Awditur Ġenerali dwar il-Public Service Obbligation inter island transportation u l-iScrappage Scheme to purchase motorcycle.
Il-Best Digital Solution ingħata lit-team li ħa ħsieb ir-roll out tal-Microsoft Co-Pilot fuq id-devices tal-uffiċjali pubbliċi. Dan seta’ jsir b’investiment ta’ madwar 4 miljun ewro fejn s’issa ġew imqassma iktar minn 5,000 liċenzja f’uffiċini varji tal-amministrazzjoni pubblika.
Il-Climate Impact Award ingħata lill-Proġett Shore-To-Ship li kien proġett bi sħab bejn Transport Malta u Infrastructure Malta. Permezz ta’ dan il-proġett il-cruise liners li jieqfu l-Port il-Kbir jistgħu jingħaqdu mas-sistema tal-elettriku u b’hekk ikunu jistgħu jitfu l-magni. Dan wassal għal tnaqqis ta’ madwar 90% fl-emissjonijiet ta’ gassijiet u tniġġis tal-arja.
L-Inclusion Award ingħata lid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika u Manutenzjoni li qed toffri servizz ta’ ġbir ta’ fliexken tal-BCRS minn djar ta’ anzjani u persuni b’diżabilità. Dan is-servizz jingħata permezz ta’ vannijiet speċjalizzati u staff dedikat.
Ir-Role Model Award ingħata lis-Sinjuri Angele Cushieri u Rennie Zerafa għall-ħidma u dedikazzjoni tagħhom f’Puttinu Cares. Bejn 60 u 90 pazjent jivvjaġġaw barra minn Malta kull xahar sabiex jingħataw kura speċjalizzata. Fix-xhur li ġejjin Puttinu se jkun qed joffri total ta’ 49 appartament, kollha mingħajr ħlas, għall-pazjenti u qraba tagħhom. Dan iż-żewġ role models ilhom madwar 22 sena jaħdmu f’Puttinu u jirrappreżentaw l-ogħla valuri ta’ dedikazzjoni, kompassjoni u servizz pubbliku.
L-Inspiring Social Responsibility Award ingħata lill-Fondazzjoni għal Servizzi Soċjali l-FSWS flimkien mal-Aġenzija Appoġġ għat-tħaddim tal-Programm STOP the Violence. Dan huwa servizz li jkisser iċ-ċiklu ta’ vjolenza u abbuż f’Malta permezz ta’ ħidma konġunta. Joffri taħriġ speċjalizzat, jaħdem f’ambjenti differenti u jiżgura li l-appoġġ jasal anke għand persuni li normalment ma jintlaħqux.
Il-Project of the Year ingħata lill-Ministeru għal Għawdex għall-proġett tal-pixxina ta’ Għawdex. Dan huwa kumpless sportiv modern mifrux fuq aktar minn 5,000m kwadru fuq tliet livelli. Fil-qalba tiegħu hemm il-pixxina Olimpika, imma jinkludi wkoll arena multisportiva li tista’ tintuża għal ħafna dixxiplini sportivi. Dan il-proġett ġie disinjat b’enfasi fuq sostenibilità u aċċessibiltà u juża dawl naturali u sistemi effiċjenti għall-ventilazzjoni u kontroll tal-klima.
It-Team Recognition Award ingħata lit-tim wara l-organizzazzjoni tal-Malta School Games. Il-Malta School Games huwa programm sportiv nazzjonali organizzat mid-Direttorat għall-Kurrikulu, Tagħlim tul-Ħajja u l-Impjegabiltà fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Sports. Għalkemm tul is-sena skolastika, l-iskejjel jipparteċipaw f’numru ta’ kompetizzjonijiet, il-Malta School Games imorru oltre mill-kompetizzjoni u jagħtu esperjenza lill-istudenti ta’ inklużjoni, rispett u ħidma f’tim.
Matul is-serata ngħata wkoll ir-rikonoxximent Outstanding Effort Award mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana lit-team tad-distribuzzjoni tal-Enemalta. Dawn huma impjegati li jaħdmu kuljum biex iżommu n-network tal-elettriku għaddej. Jinvolvi tqegħid ta’ cables ġodda, manutenzjoni infrastrutturali u interventi urġenti fis-sħana qawwija tas-sajf u f’kundizzjonijiet oħra li jafu jkunu diffiċli.
Finalment l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono tat ukoll rikonoxximent speċjali lil rappreżentanti ta’ entitajiet u dipartimenti tal-Gvern li wrew dedikazzjoni, impenn u professjonalità waqt u wara l-maltempata magħrufa bħala “Storm Harry” f’Jannar li għadda.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922