STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Naħdmu għal soċjetà aktar ġusta bil-fatti, mhux bil-paroli – il-Ministru Bedingfield
Fl-aħħar jiem il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield żar waħda mir-residenzi tal-Caritas li toffri servizzi ta’ riabilitazzjoni għal persuni li jkunu qed jiskontaw l-aħħar parti ta’ sentenza ta’ ħabs u li qed jaffaċċjaw sfidi relatati mad-dipendenza mid-droga.
Din kienet l-ewwel żjara uffiċjali tal-Ministru fil-kariga tiegħu, għażla simbolika li tirrifletti l-importanza li l-Gvern jagħti lill-bilanċ bejn is-sigurtà pubblika, ir-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni soċjali.
Matul iż-żjara, il-Ministru Bedingfield iltaqa’ mal-amministrazzjoni tal-Caritas, professjonisti u residenti li qed jieħdu sehem fil-programmi ta’ riabilitazzjoni. Huwa faħħar il-ħidma importanti li qed issir kuljum biex persuni jingħataw opportunità ġenwina biex jibnu ħajjithom mill-ġdid u jintegraw ruħhom b’mod pożittiv fis-soċjetà.
Il-Ministru sostna li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Caritas hija eżempju konkret ta’ kif istituzzjonijiet pubbliċi u organizzazzjonijiet fil-komunità jistgħu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw sfidi kumplessi. Huwa qal li dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta’ ħidma frammentata, iżda jeħtieġu rispons koordinat li jgħaqqad il-kompetenzi u r-riżorsi ta’ diversi entitajiet.
“L-għan ewlieni tagħna jibqa’ dejjem dak li nibnu komunitajiet aktar siguri. Is-sigurtà pubblika ma tibdiex u ma tispiċċax b’arrest jew sentenza. Hija sforz kollettiv li jgħaqqad il-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni, ir-reintegrazzjoni u r-responsabbiltà personali. Irridu naħdmu għal soċjetà aktar ġusta bil-fatti u mhux bil-paroli,” qal il-Ministru.
Huwa spjega li programmi effettivi ta’ riabilitazzjoni jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju ta’ reċidiva, filwaqt li joħolqu aktar opportunitajiet biex persuni jikkontribwixxu b’mod pożittiv lis-soċjetà u jnaqqsu l-possibbiltà li jinħolqu aktar vittmi.
Il-Ministru esprima wkoll apprezzament lejn il-ħidma dedikata tal-uffiċjali korrettivi, terapisti, professjonisti, ħaddiema soċjali u l-voluntiera li jaħdmu f’dan il-qasam. Huwa rrimarka li ħafna minn din il-ħidma essenzjali ssir ’il bogħod mill-attenzjoni pubblika, iżda hija kruċjali biex jinbnew stejjer ta’ suċċess u bidla pożittiva.
Matul din iż-żjara, il-Ministru ltaqa’ mas-sitt resident attwali fid-dar u l-istaff li kollha qasmu miegħu l-esperjenza personali tagħhom.
Min-naħa tiegħu, Anthony Gatt, Direttur tal-Caritas, qal li: “Iż-żjara tal-Ministru Glenn Bedingfield tfisser ħafna għalina anki l-fatt li kienet l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu bħala Ministru. Apprezzajna immens kemm ta widen għall-esperjenzi ta’ persuni li qed jattendu l-programm u l-impenn ċar tiegħu favur ir-riabilitazzjoni, biex dawk il-persuni li jkunu ffaċċjaw il-konsegwenzi tal-ħabs, ikunu jistgħu jiġu fuq saqajhom u b’hekk kif tispiċċa s-sentenza, jiġu integrati bħala persuni sħaħ fis-soċjetà u anki jibdew jagħtu lura.”
Il-Ministru Bedingfield enfasizza li l-programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga għall-priġunieri huma parti minn viżjoni usa’ ta’ soċjetà ġusta u ekwa li tagħti opportunitajiet reali għat-tieni ċans.
“Hu dmir tagħna bħala Gvern li nkomplu ninvestu, nappoġġjaw u noħolqu opportunitajiet konkreti li jistgħu jwasslu għal bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies. Ir-responsabbiltà tagħna hi li nipprovdu l-għodda meħtieġa b’mod ġust u skont il-bżonnijiet ta’ kull persuna. Nifhem sew il-kumplessità ta’ dan il-proċess u kemm it-triq lejn ir-riabilitazzjoni tista’ tkun mimlija sfidi u ostakli. Madankollu, nemmen bis-sħiħ li l-bidla hija possibbli meta persuna tingħata l-appoġġ meħtieġ u opportunità ġenwina biex timxi ’l quddiem,” sostna l-Ministru.
“Aħna bħala Gvern se nibqgħu nagħmlu l-parti tagħna. Il-professjonisti u l-organizzazzjonijiet se jibqgħu jagħmlu l-parti tagħhom. U kull persuna trid tagħmel il-parti tagħha wkoll. Il-bidla fit-tul tinbena permezz ta’ deċiżjonijiet żgħar meħuda kuljum.”
Il-Ministru temm billi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-investiment fir-riabilitazzjoni, ir-reintegrazzjoni u s-servizzi fil-komunità, filwaqt li jkompli jkabbar il-kollaborazzjoni mal-Caritas u ma’ msieħba oħra sabiex aktar persuni jkollhom l-opportunità li jibnu futur aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922