Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta b’pożizzjoni soda fuq il-politika ta’ koeżjoni fid-diskussjonijiet dwar il-Budget Ewropew • Il-Prim Ministru Robert Abela f’Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell

PR261040
Date Icon 19/06/2026

F’Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza tal-politika tal-koeżjoni u li jintlaħaq bilanċ li jirrifletti r-realtajiet u l-isfidi ta’ kull Stat Membru. F’din il-laqgħa, il-mexxejja kellhom l-opportunità li jiddiskutu l-progress milħuq taħt il-Presidenza Ċiprijotta fin-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028–2034, dak magħruf aħjar bħala l-Budget Ewropew fit-tul. 

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru tkellem b’mod partikolari dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tħares lejn il-politika ta’ koeżjoni bħala veikolu tal-progress u l-iżvilupp, inkluż fl-isforzi biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-blokk. Huwa tenna li s-sovranità fiskali għandha tibqa’ l-kompetenza tal-Istati Membri u qal li l-Budget irid jirrifletti l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini u jibqa’ jixpruna riformi kredibbli, realistiċi u li jsibu l-qofol tagħhom fl-interessi nazzjonali. Dawn id-diskussjonijiet saru wkoll fil-marġni tal-Kunsill f’laqgħa bejn grupp ta’ sittax-il pajjiż magħruf bħala ‘Friends of Cohesion’. 

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll il-kompetittività fejn il-Prim Ministru Malti saħaq li din tibqa’ kruċjali għall-prosperità fl-Ewropa. Tkellem dwar l-aċċessibilità tas-Suq Waħdieni u qal li l-Ewropa ma taffordjax li ssir insulari u għalhekk l-importanza tat-tisħiħ tal-koperazzjoni ma’ sħab strateġiċi. Dan anki f’kuntest ta’ sfidi globali fejn irid ikollna bilanċ bejn il-kummerċ ħieles u s-sigurtà ekonomika.

Il-mexxejja tkellmu wkoll dwar il-Lvant Nofsani, diskussjoni li seħħet fl-isfond ta’ żviluppi fluwidi fit-taħditiet ta’ paċi bejn l-Istati Uniti u l-Iran. Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża li tibqa’ waħda inaċċettabbli, fejn l-aċċess għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ta’ ċittadini ċivili jibqgħu prinċipji ewlenin fil-liġi internazzjonali. Dwar l-Ukrajna, il-Prim Ministru qal li l-kordinazzjoni u d-djalogu għandhom jibqgħu jservu ta’ boxxla li trid twassal għat-tmiem tal-gwerra, b’rispett lejn il-ħarsien tas-sovranità u l-integrità tat-territorju Ukren.

Fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ koordinament fuq it-tema tal-migrazzjoni flimkien ma’ erbatax-il Stat Membru ieħor u l-Kummissjoni Ewropea. Hawn ġie nnotat il-progress sostanzjali li sar permezz tal-koordinament ta’ dan il-grupp, fejn b’mod ewlieni ntlaħqu tragwardi importanti fl-Unjoni Ewropea, dak l-aktar riċenti jkun l-adozzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament tar-Ritorn, u kif ukoll fuq livell aktar wiesgħa fil-Kunsill tal-Ewropa bid-dikjarazzjoni ta’ Chișinău. Il-Prim Ministru saħaq li dan il-progress issa jrid ikun sostnut b’implimentazzjoni kkordinata u aċċellerata, u permezz ta’ aktar koperazzjoni f’diversi fora multilaterali, u permezz tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-tranżitu.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta b’pożizzjoni soda fuq il-politika ta’ koeżjoni fid-diskussjonijiet dwar il-Budget Ewropew • Il-Prim Ministru Robert Abela f’Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta b’pożizzjoni soda fuq il-politika ta’ koeżjoni fid-diskussjonijiet dwar il-Budget Ewropew • Il-Prim Ministru Robert Abela f’Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta b’pożizzjoni soda fuq il-politika ta’ koeżjoni fid-diskussjonijiet dwar il-Budget Ewropew • Il-Prim Ministru Robert Abela f’Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow