Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, R-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Xjenza Malta tniedi Programm ta’ Riċerka Transdixxiplinari ġdid biex tixpruna soluzzjonijiet għal sfidi nazzjonali u globali

pr261036
Date Icon 19/06/2026

Xjenza Malta nediet il-Programm ta' Riċerka Transdixxiplinari (TRP) il-ġdid tagħha waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Planetarium ta' Esplora. L-inizjattiva l-ġdida ta' finanzjament hija mfassla biex tħaffef l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi u tad-dinja reali għal uħud mill-isfidi soċjetali u ambjentali ta' Malta.

Il-programm jintroduċi mudell ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni, u jlaqqa' flimkien l-akkademja, l-industrija, il-gvern u s-soċjetà ċivili permezz ta' struttura ta' konsorzju bbażata fuq il-mudell tal-quadruple helix. Kull proġett iffinanzjat se jinkludi organizzazzjoni ta' riċerka u tixrid ta' għarfien, intrapriża privata, awtorità pubblika u organizzazzjoni tas-soċjetà, sabiex ikun żgurat li r-riċerka tiġi żviluppata u implimentata b'mod kollaborattiv mill-bidu nett.

Ispirata mill-Missjonijiet ta' Horizon Europe – il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-iskema se tappoġġja proġetti li jindirizzaw oqsma bħalma huma l-adattament għat-tibdil fil-klima, bliet newtrali għall-klima u intelliġenti, il-kanċer, is-saħħa tal-ħamrija, u r-restawr tal-oċeani u tal-ilmijiet. L-inizjattiva tinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati Maltin jiżviluppaw soluzzjonijiet orjentati lejn il-missjonijiet li jirrispondu għal prijoritajiet nazzjonali filwaqt li jikkontribwixxu għal objettivi usa' fil-livell tal-UE.

Għall-kuntrarju ta' skemi tradizzjonali ta' finanzjament tar-riċerka li jiffokaw primarjament fuq il-ġenerazzjoni tal-għarfien, il-Programm ta' Riċerka Transdixxiplinari jagħmel enfasi qawwija fuq l-impatt. Il-proġetti appoġġjati huma mistennija li jikkombinaw attivitajiet ta' riċerka, innovazzjoni, dimostrazzjoni u implimentazzjoni biex iwasslu riżultati prattiċi, inklużi inizjattivi pilota, soluzzjonijiet ta' politika, teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet skalabbli.

Filwaqt li ddeskriva l-avveniment tal-lum bħala pass importanti ieħor fil-perkors tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Malta, meta indirizza lill-parteċipanti, il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Matul l-aħħar snin, Malta għamlet progress notevoli fil-qasam tal-innovazzjoni. Skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea 2025, Malta issa għandha punteġġ ta' 95% tal-medja tal-Unjoni Ewropea u tikklassifika fit-12-il post fost l-Istati Membri kollha. Aktar importanti minn hekk, Malta tjiebet b'pass aktar mgħaġġel mill-medja Ewropea, u dan juri li pajjiżna qed isaħħaħ b'mod kostanti l-kapaċità tal-innovazzjoni tiegħu. Aħna wkoll fost l-aqwa prestaturi tal-Ewropa fid-diġitalizzazzjoni."

Fl-għeluq tal-avveniment, il-Kap Eżekuttiv ta' Xjenza Malta Silvio Scerri enfasizza l-ambizzjoni tal-programm li r-riċerka tissarraf f'impatt tanġibbli. Is-Sur Scerri qal li, “L-isfidi li qed tiffaċċja Malta huma opportunitajiet għall-innovazzjoni. Permezz tal-Programm ta' Riċerka Transdixxiplinari, se nkunu qegħdin ngħinu lill-partijiet ikkonċernati jittrasformaw l-ideat f'soluzzjonijiet li jwasslu għal tkabbir ekonomiku, jattiraw l-investiment u jtejbu l-kwalità tal-ħajja."

Huwa stqarr li filwaqt li Malta bniet pedament b'saħħtu fl-ixprunar tar-riċerka, l-istadju tal-innovazzjoni li jmiss jeħtieġ konnessjonijiet aktar b'saħħithom bejn ir-riċerka, l-implimentazzjoni u l-impatt fuq is-soċjetà. Huwa enfasizza fuq il-mudell ta' konsorzju tat-TRP bħala mezz biex jitlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-riċerkaturi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet li huma xjentifikament b'saħħithom, operazzjonalment fattibbli, soċjalment rilevanti u allinjati kemm mal-prijoritajiet nazzjonali kif ukoll ma' dawk tal-UE.

Is-sottomissjonijiet taħt il-Programm ta' Riċerka Transdixxiplinari jistgħu jsiru sas-6 ta' Awwissu 2026. Għal aktar informazzjoni, inklużi l-kriterji ta' eliġibbiltà u d-dettalji tal-applikazzjoni, għandu jsir kuntatt mat-Taqsima tal-Programm Qafas fuq horizon.malta@gov.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, R-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Xjenza Malta tniedi Programm ta’ Riċerka Transdixxiplinari ġdid biex tixpruna soluzzjonijiet għal sfidi nazzjonali u globali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, R-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Xjenza Malta tniedi Programm ta’ Riċerka Transdixxiplinari ġdid biex tixpruna soluzzjonijiet għal sfidi nazzjonali u globali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, R-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Xjenza Malta tniedi Programm ta’ Riċerka Transdixxiplinari ġdid biex tixpruna soluzzjonijiet għal sfidi nazzjonali u globali
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow