STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Jitħallas it-tieni pagament tal-COLA addizzjonali – 102,000 familja jgawdu minn dan il-benefiċċju
Il-Gvern qed jinvesti €28 miljun oħra fin-nies permezz tat-tieni pagament tal-COLA addizzjonali, biex b'hekk għal din is-sena ġew investiti €56 miljun fuq dan il-benefiċċju biss.
Benefiċċju li huwa ntiż biex flimkien mas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u taċ-ċereali jagħti sostenn addizzjonali lil familji bi dħul baxx jew medju.
Dawn id-dettalji tħabbru l-Ħamis filgħodu mill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon, flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musu. Intqal li aktar minn 100,000 familja din il-ġimgħa ser jitħallsu t-tieni pagament li jkopri l-perjodu minn Lulju sa Diċembru 2026.
Il-Ministru Michael Falzon qal li f'dan il-pagament hemm ukoll 1,311 familja li ser ikunu qed jirċievu l-pagament ta' sena sħiħa wara applikazzjoni. Dawn l-applikazzjonijiet ikunu nfetħu fil-perjodu minn Jannar sa Marzu sabiex jolqtu lil dawk il-persuni li ma jkunux jistgħu jiġu individwati mis-sistema awtomatika.
“Dan huwa xhieda ta' kemm dan il-gvern huwa man-nies u jgħin lil dawk li verament għandhom bżonn. Dan il-benefiċċju ser inħalluh hemm u nibqgħu nsaħħuh. Qegħdin naraw li nkomplu nagħtu sostenn sabiex inkomplu nsaħħu l-livell ta' għajxien tagħhom", stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musù stqarr li aktar ma d-dħul ikun baxx, ogħla se jkun il-benefiċċju li jitħallas. L-istess jiġri fil-każ tad-daqs tal-familja, akbar ma tkun id-daqs tal-familja, il-benefiċċju se jkun aktar. Il-benefiċċju jvarja bejn minimu ta' €200 fis-sena (€3.85 fil-ġimgħa) u massimu ta' €1,500 fis-sena (€28.85 fil-ġimgħa).
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù qal li firxa wiesgħa ta' familji qed igawdu mill-benefiċċju, mhux biss familji f'riskju ta' faqar jew vulnerabbli qed jibbenefikaw iżda wkoll dawk fil-faxxa medja tas-soċjetà. Bosta minn dawn il-benefiċjarji matul is-sena jitħallsu wkoll diversi tipi ta' benefiċċji soċjali oħra.
Aktar minn nofs il-benefiċjarji mhumiex f'riskju ta' faqar iżda għandhom dħul ekwivalizzat li hu ogħla mil-livell tar-riskju tal-faqar iżda jikkwalifikaw għax huwa anqas mill-medjan nazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922