STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Għal sena oħra se jittella’ l-Fig Festival fix-Xagħra li jiċċelebra l-prodott lokali u t-tradizzjonijiet Għawdxin
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li din is-sena se tittella' edizzjoni oħra tal-Fig Festival is-Sibt 27 ta' Ġunju, bejn is-7pm u l-11pm, fi Pjazza l-Vitorja, ix-Xagħra.
Din l-attività kulturali u gastronomika tiċċelebra wieħed mill-aktar prodotti tradizzjonali marbuta mal-identità agrikola ta' Għawdex. Dan il-festival organizzat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra għandu l-għan li jenfasizza l-valur tat-tin mhux biss bħala frott lokali iżda wkoll, bħala simbolu tat-tradizzjonijiet agrikoli u kulturali Għawdxin li għadhom jgħixu fil-komunitajiet tagħna.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li festivals bħal dan huma importanti biex ikomplu jsaħħu l-identità distintiva ta' Għawdex filwaqt li joħolqu opportunitajiet għall-komunità u għall-ekonomija lokali. “Il-Festival tat-Tin huwa eżempju ċar ta' kif nistgħu nieħdu prodott tradizzjonali li jagħmel parti mill-wirt agrikolu tagħna u nibdluh f'esperjenza li tiġbor flimkien in-nies, tappoġġa lill-bdiewa u lill-produtturi lokali, u tattira viżitaturi lejn Għawdex. Dawn l-inizjattivi jgħinu biex inżommu ħajjin it-tradizzjonijiet tagħna filwaqt li noħolqu valur ekonomiku u turistiku għall-gżira tagħna," stqarr il-Ministru Camilleri.
Matul il-festival, il-pubbliku se jkun jista' jgawdi minn varjetà ta' ikel u prodotti magħmula bit-tin, esebizzjonijiet ta' artiġjanat lokali, divertiment għall-familja kollha, mużika live, attivitajiet għat-tfal u atmosfera unika fil-qalba tar-raħal tax-Xagħra. Il-festival ikompli jservi bħala pjattaforma importanti għall-promozzjoni tal-biedja, tal-prodott lokali u tat-tradizzjonijiet Għawdxin, filwaqt li joffri esperjenza kulturali u gastronomika awtentika kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi.
Is-Sindku tax-Xagħra Victor Curmi rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex tas-sostenn sabiex ikunu jistgħu jittellgħu attivitajiet bħal dawn li jiċċelebraw il-wirt, il-kultura u t-togħmiet uniċi ta' Għawdex.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lill-pubbliku sabiex jattendi u jgawdi dan il-festival fil-gżira Għawdxija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922