Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Skema Irrestawra Darek: €6.5 miljun għar-reġjun tal-Lvant u miljun ewro addizzjonali għal bini skedat mhux f’UCA

PR261025
Date Icon 18/06/2026

F'sitt xhur, il-fondi qabżu l-allokazzjonijiet tal-aħħar 30 sena

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard nieda l-iskema Irrestawra Darek għar-Reġjun tal-Lvant b'allokazzjoni ta' €6.5 miljun flimkien ma' allokazzjoni addizzjonali ta' €1 miljun għal binjiet skedati ta' Grad 1 u Grad 2 li jinsabu barra ż-Żoni ta' Konservazzjoni Urbana (UCA), bħala parti mill-iskema Irrestawra Darek u l-Villaġġ.

Il-Ministru Attard irrimarka li filwaqt li matul l-aħħar 30 sena ġew allokati aktar minn €33 miljun għal skemi ta' restawr, fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena biss il-Gvern alloka €32 miljun. Dan ifisser li f'nofs sena biss l-investiment kważi qabeż dak li sar matul tletin sena sħaħ.

“Din l-iskema qed tkompli tgħin lis-sidien ta' proprjetajiet, negozji u għaqdiet mhux governattivi jinvestu fir-restawr u l-konservazzjoni tal-patrimonju mibni Malti u Għawdxi, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna," sostna l-Ministru Attard.

Il-Ministru enfasizza li l-iskema mhijiex biss għajnuna finanzjarja, iżda investiment dirett fil-preservazzjoni tal-identità arkitettonika ta' pajjiżna u fil-ħarsien tal-wirt kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Permezz tal-iskema Irrestawra Darek u l-Villaġġ qed ninvestu fil-komunitajiet tagħna, insaħħu l-identità tal-irħula u l-ibliet tagħna, nirrestawraw il-wirt mibni tagħna u nħarsu dak li jagħmel lil Malta u Għawdex speċjali," sostna Dr Attard.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar id-domanda qawwija u l-fiduċja tal-pubbliku f'din l-inizjattiva b'aktar minn 1,300 sottomissjoni li qed jiġu pproċessati.

Il-Ministru tenna li l-iskema hija parti mill-impenn tal-Gvern lejn żvilupp aktar sostenibbli u responsabbli, f'konformità mal-għanijiet ta' Viżjoni Malta 2050, li tfittex bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku, il-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni tal-karatteristiċi uniċi ta' pajjiżna.

Il-Ministru temm jirringrazzja lil dawk kollha li esprimew interess fil-fażijiet preċedenti tal-iskema u dawk li qed ikomplu jagħżlu li jinvestu fil-konservazzjoni tal-patrimonju mibni ta' pajjiżna sabiex dan il-ġid storiku, kulturali u arkitettoniku jibqa' jitgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li “B'dawn il-fondi mhux biss qegħdin nirrestawraw l-faċċati għall-ġid tal-komunitajiet imma qegħdin ngħinu lil dawk in-nies biex isebbħu djarhom, lill-first-time buyers biex ninċentivawhom jidħlu lura fil-qalba tal-irħula tagħna, u qed ngħinu wkoll lis-settur tat-turiżmu billi nżommu l-arkitettura tradizzjonali u l-wirt tanġibbli u intanġibbli ħajjin."

L-iskema f'dan ir-reġjun tinkludi l-lokalitajiet ta' Birkirkara, Tas-Sliema, San Ġiljan, l-Imsida, Ta' Xbiex, Ħal Lija, Ħal Għargħur u Tal-Pietà. L-applikazzjonijiet huma miftuħin u jagħlqu fil-25 ta' Ġunju jew kif jiġu eżawriti l-fondi allokati kollha.

Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Ronald Mizzi.

Aktar dettalji dwar meta se jkunu qed jintlaqgħu l-espressjonijiet ta' interess għall-allokazzjoni addizzjonali li tħabbret illum se jingħataw fil-jiem li ġejjin.

Aktar informazzjoni dwar din l-iskema tista' tinkiseb minn https://pa.org.mt/irrestawra-darek-u-lvillagg.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Skema Irrestawra Darek: €6.5 miljun għar-reġjun tal-Lvant u miljun ewro addizzjonali għal bini skedat mhux f’UCA
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Skema Irrestawra Darek: €6.5 miljun għar-reġjun tal-Lvant u miljun ewro addizzjonali għal bini skedat mhux f’UCA
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow