Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-AWTORITÀ TA' MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR L-MCCAA tniedi l-11-il edizzjoni tal-Premju Servizz bi Tbissima

PR261020
Date Icon 17/06/2026

L-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) nediet uffiċjalment il-ħdax-il edizzjoni tal-Premju Servizz bi Tbissima, inizjattiva annwali li tagħraf u tippremja n-negozji li joffru livell eċċellenti ta' kura lill-klijenti u servizz ta' wara l-bejgħ ta' kwalità għolja.

Waqt it-tnedija, ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MCCAA, Carmen Ciantar, qalet li l-Awtorità taħdem kontinwament biex tħares id-drittijiet tal-konsumaturi u ssaħħaħ il-fiduċja fis-suq, iżda fl-istess waqt temmen li huwa importanti li jiġu rikonoxxuti u promossi dawk in-negozji li juru impenn lejn l-eċċellenza. Hija spjegat li dan il-premju għandu l-għan li jiċċelebra n-negozji li jagħmlu l-pass żejjed biex joffru servizz ta' kwalità għolja u jqiegħdu lill-konsumatur fil-qalba tal-ħidma tagħhom.

Permezz ta' din l-inizjattiva, il-MCCAA tkompli tħeġġeġ standards għoljin fil-kura tal-klijent u tippromwovi prattiki kummerċjali responsabbli li jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi u jikkontribwixxu għal suq aktar ġust, trasparenti u ffukat fuq il-ħtiġijiet tagħhom.

Il-konsumaturi huma mistiedna jivvutaw għan-negozji li pprovdewhom b'servizz eċċezzjonali f'sitt kategoriji:

  • Moda u Sbuħija
  • Supermarkets u Mini Markets
  • Oġġetti Elettroniċi u tad-Dar
  • Bejjiegħa Lokali Online
  • Servizzi tal-Ivvjaġġar
  • Ħwienet tal-Annimali u tal-Pjanti

Il-votazzjoni hija miftuħa mis-16 ta' Ġunju sal-14 ta' Lulju 2026 u tista' ssir online permezz tas-sit elettroniku tal-kompetizzjoni. Il-konsumaturi jistgħu jivvutaw għal aktar minn negozju wieħed, iżda huwa permess vot wieħed biss għal kull bejjiegħ f'kull kategorija.

Bħala inċentiv addizzjonali, l-parteċipanti kollha se jidħlu f'tlugħ bix-xorti biex jirbħu premju ta' €1,000 fi flus kontanti.

Wara li tagħlaq il-votazzjoni, in-negozji li jiksbu l-ogħla punteġġ f'kull kategorija jgħaddu minn proċess ta' verifika sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi mal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Premju, li jippromwovi t-trasparenza, servizz tajjeb lill-konsumatur, prattiki kummerċjali responsabbli u trattament effiċjenti tal-ilmenti.

Ir-rebbieħa jitħabbru waqt ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet f'Novembru 2026. Minbarra trofew u ċertifikat, ir-rebbieħa jkunu intitolati jużaw il-badge ta' Rebbieħ Servizz bi Tbissima bħala simbolu ta' eċċellenza u impenn lejn servizz tal-konsumatur mill-aqwa.

Għal aktar informazzjoni jew biex tivvota, żur servizzbitbissima.mccaa.org.mt jew ikkuntattja lill-MCCAA fuq 2395 2000 jew consumer.rights@mccaa.org.mt.

Ritratti: MCCAA

STQARRIJA MILL-AWTORITÀ TA' MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR L-MCCAA tniedi l-11-il edizzjoni tal-Premju Servizz bi Tbissima
STQARRIJA MILL-AWTORITÀ TA' MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR L-MCCAA tniedi l-11-il edizzjoni tal-Premju Servizz bi Tbissima
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives stresses the need for EU budget to reflect realities of smaller Member States

PR261923EN

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jisħaq fuq il-ħtieġa li l-baġit Ewropew iqis ir-realtajiet tal-Istati Membri ż-żgħar

PR261923

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jis...

More Press Releases Right arrow