Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Opportunitajiet u fruntieri aktar b’saħħithom se jimmitigaw in-numri tal-immigranti

pr261006
Date Icon 12/06/2026

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, attenda għall-Konferenza Ministerjali Informali fuq il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil f'Ċipru, illum, il-Ġimgħa 12 ta' Ġunju 2026. Din il-laqgħa ministerjali informali saret biex tfakkar id-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil.

Il-Ministru ppreżenta l-osservazzjonijiet ta' Malta dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u enfasizza kif, filwaqt li l-Patt tal-UE jirrappreżenta pass politiku importanti, il-veru test tiegħu se jkun fl-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Il-Ministru Bedingfield stqarr li “ħafna jiddependi fuq it-tqassim ġust tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri u jekk il-pajjiżi tal-UE li jinsabu fil-fruntieri esterni se jirċievi appoġġ sostanzjali u konkret".

Filwaqt li nnota kuntest dejjem aktar kumpless ikkawżat minn instabbiltà ġeopolitika, rotot migratorji li qed jevolvu, u networks organizzati ta' traffikar tal-persuni, il-Ministru Bedingfield saħaq li l-miżuri tal-Patt iridu jkunu msaħħa permezz ta' ġestjoni aktar proattiva tal-immigrazzjoni, azzjoni esterna aktar b'saħħitha mill-UE, ritorni effettivi, u azzjonijiet deċiżivi kontra n-networks tat-traffikar.

Il-Ministru enfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-immigrazzjoni, partikolarment dawk relatati ma' fatturi soċjoekonomiċi bħall-faqar, it-tibdil fil-klima, u n-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi. Il-Ministru Bedingfield saħaq li żieda fl-investiment fil-pajjiżi ta' oriġini – b'mod speċjali f'setturi bħall-edukazzjoni, l-agrikoltura, l-aċċess għall-ilma nadif u l-iżvilupp ekonomiku – tgħin biex jinħolqu opportunitajiet hemmhekk fejn huma l-aktar meħtieġa. Hu ddeskriva dan l-approċċ bħala “investiment fit-tul fl-istabbiltà, fil-prosperità u fis-sigurtà kondiviża. Kull żagħżugħ jew żagħżugħa li jingħata tama f'pajjiżu jfisser persuna inqas li tħossha mġiegħla tagħmel vjaġġ perikoluż lejn pajjiż barrani."

Il-Ministru Bedingfield esprima t-twemmin tiegħu li l-aktar politika effettiva dwar l-immigrazzjoni mhijiex biss dwar fruntieri aktar b'saħħithom. Hija wkoll dwar opportunitajiet aktar b'saħħithom. Billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-immigrazzjoni permezz ta' investiment immirat u sħubija mal-pajjiżi tal-oriġini, l-Ewropa tista' tnaqqas l-immigrazzjoni irregolari b'mod uman, sostenibbli u ta' benefiċċju għal kulħadd.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Opportunitajiet u fruntieri aktar b’saħħithom se jimmitigaw in-numri tal-immigranti
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives stresses the need for EU budget to reflect realities of smaller Member States

PR261923EN

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jisħaq fuq il-ħtieġa li l-baġit Ewropew iqis ir-realtajiet tal-Istati Membri ż-żgħar

PR261923

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jis...

More Press Releases Right arrow