STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Impenn għall-aqwa esperjenza edukattiva
Il-Ministru Byron Camilleri bl-ewwel żjara tiegħu fl-iskola Primarja tar-Rabat
Bħala l-ewwel impenn uffiċjali tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar l-Iskola Primarja Anton Agius tar-Rabat, fejn segwa mill-qrib il-ħidma li qed titwettaq f'konformità mal-prinċipji tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030, li tqiegħed il-benesseri, l-emanċipazzjoni u l-inklużjoni tal-istudent fiċ-ċentru tas-sistema edukattiva.
L-Iskola Primarja Anton Agius tar-Rabat, li nfetħet tliet snin ilu wara investiment sostanzjali f'infrastruttura edukattiva moderna, hija eżempju ċar tat-trasformazzjoni li għaddejja fis-settur edukattiv. L-iskola, li qabel kienet topera minn żewġ binjiet separati, illum tilqa' fiha 422 student mifruxa fuq 13-il klassi tal-kindergarten u 18-il klassi tal-primarja. Hija mgħammra b'faċilitajiet moderni li jinkludu spazji għall-arti u l-mużika, gymnasium, multi-sensory room u diversi riżorsi diġitali li jkomplu jsaħħu l-esperjenza tat-tagħlim.
Matul iż-żjara, il-Ministru ltaqa' mal-Kap tal-Iskola, mat-tim maniġerjali, mal-edukaturi u mal-istudenti, u mal-ħaddiema kollha fejn seta' jifhem il-prijoritajiet tal-iskola u l-ħidma kontinwa favur edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità. L-iskola tappoġġja 48 student bi bżonnijiet edukattivi differenti permezz ta' 40 Learning Support Educator, filwaqt li qed taħdem ukoll sabiex tikseb l-istatus ta' Dyslexia Friendly School.
Il-Ministru ġie infurmat ukoll dwar diversi kisbiet miksuba mill-iskola matul din is-sena. Fost dawn hemm Gold Award fil-Matematika, Gold Award fil-programm Let's Talk Farming, Gold u Platinum Awards fil-Book Champion Programme, il-Green Flag tal-EkoSkola u d-Digital Citizenship Award, li jirriflettu l-impenn tal-iskola lejn l-eċċellenza akkademika, is-sostenibbiltà u l-użu responsabbli tat-teknoloġija.
Fost il-proġetti li qed jitwettqu hemm Makerspace permezz ta' fondi minn Esplora, il-proġett Open Horizon għall-istudenti tal-Early Years, il-Proġett Green li jinkludi outdoor classroom, experimentation station u kitchen garden, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-iskola f'diversi inizjattivi eTwinning u Erasmus+ li jkomplu joffru opportunitajiet ġodda ta' tagħlim u kollaborazzjoni. Dawn il-proġetti qed jikkontribwixxu għal esperjenza edukattiva aktar dinamika u innovattiva, filwaqt li jħeġġu aktar kreattività, kollaborazzjoni u tagħlim attiv fost l-istudenti.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li din l-iskola hija eżempju ċar ta' kif l-investiment fil-faċilitajiet, fl-inklużjoni u fl-innovazzjoni qed iwassal għal opportunitajiet aħjar għall-istudenti. “L-edukazzjoni qed tgħaddi minn trasformazzjoni kontinwa li qed tqiegħed lill-istudent fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni. Huwa ta' sodisfazzjon li naraw skejjel li qed ikunu protagonisti f'din it-trasformazzjoni permezz tal-innovazzjoni, l-inklużjoni u l-użu tat-teknoloġija. Il-Gvern se jkompli jinvesti sabiex kull student ikollu l-opportunità jiżviluppa l-potenzjal tiegħu u jkun ippreparat għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-futur," sostna l-Ministru.
Il-Kap tal-Iskola, Dorita Maniscalco, spjegat kif l-iskola hija impenjata li tipprovdi edukazzjoni moderna, inklużiva u ta' kwalità, filwaqt li tkompli tinvesti fl-iżvilupp professjonali tal-edukaturi, fil-benesseri tal-istudenti u f'inizjattivi innovattivi li jarrikkixxu l-esperjenza edukattiva.
Hija rrimarkat li matul dawn l-aħħar tliet snin l-iskola kompliet tissaħħaħ permezz ta' diversi investimenti u proġetti, fosthom struttura ġdida tal-logħob għall-istudenti tas-snin bikrin, spazju ddedikat għas-suġġetti STEM, kif ukoll inizjattivi marbuta ma' tagħlim fil-beraħ, sostenibbiltà u kollaborazzjoni internazzjonali permezz tal-programm Erasmus+.
“L-iskola tagħna hija t-tieni dar għall-istudenti tagħna. Għalhekk naħdmu kuljum biex noħolqu ambjent fejn kull student iħossu sigur, appoġġjat u motivat biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Din iż-żjara tkompli tinkoraġġina nibnu fuq il-kisbiet li diġà ksibna u nkomplu noffru l-aqwa esperjenza edukattiva possibbli għall-istudenti kollha tagħna," temmet tgħid is-Sinjura Maniscalco.
Stqarrijiet Oħra:
PR261923EN
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261923