Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA €27 miljun f’benefiċċji soċjali lil 62,400 familja fi tmiem il-ġimgħa

PR260997
Date Icon 11/06/2026

Familji bit-tfal u benefiċjarji tal-għajnuna supplimentari fi tmiem il-ġimgħa se jirċievu pagamenti li b'kollox ilaħħqu kważi €27 miljun li jkopru t-tielet kwart ta' din is-sena. Sa issa fuq l-ewwel żewġ pagamenti tas-sena, b'kollox dawn il-familji rċevew mat-€53 miljun oħra u huwa stmat li sal-aħħar tas-sena se jkunu rċevew kważi €110 miljun.

L-akbar investiment f'dan it-tielet kwart li jkopri minn Lulju sa Settembru se jkun ta' kważi €20 miljun f'pagamenti taċ-Children's Allowance u tas-suppliment addizzjonali li se jmorru għand 42,400 familja bi kważi 63,000 tifel u tifla.

Dan huwa t-tielet pagament li qed isir skont parametri ġodda li tfasslu fil-Budget li għadda biex jiġu stabbiliti r-rati tal-allowance li jitħallsu familji li d-dħul disponibbli tagħhom huwa wieħed relattivament baxx jew medju.

Biċ-ċaqliq li sar, żdiedu r-rati li jitħallsu dawn il-familji għal kull wild taħt is-16-il sena, bl-ogħla rata tiżdied b'€417 għal €2,330 għal kull wild, li jfisser li familja b'żewġt itfal li tkun intitolata għall-ogħla rata, b'kollox din is-sena se titħallas €4,660.

Ir-rati jvarjaw skont id-dħul tal-familji, bl-anqas ammont li familja tista' tirċievi jkun kważi €1,100 fis-sena għal kull wild li jfisser li familja b'żewġt itfal bl-anqas rata din is-sena se titħallas €2,200.

Intant, aktar minn 2,100 familja oħra b'2,700 wild li jsofru minn diżabilità fiżika jew intellettwali separatament qed jirċievu l-pagament tal-Allowance għal Tfal b'Diżabilità li wkoll ikopri t-tielet kwart tas-sena. B'kollox il-pagamenti jlaħħqu €1.3 miljun.

Ħlasijiet oħra se jmorru għand familji li jiffosterjaw tfal f'etajiet sa 21 sena. Għal kull tifel jew tifla fil-kustodja tagħhom din is-sena qed jitħallsu €6,760, żieda ta' €520 fuq is-sena l-oħra. Għaldaqstant din il-ġimgħa qed jirċievu pagament ta' 3 xhur ta' €1,690.

Intant, kważi 20,000 familja, koppji jew persuni singoli oħra se jitħallsu bejniethom €5.4 miljun f'pagamenti mtejba tal-Allowance Supplimentari biex ikunu f'qagħda biex ilaħħqu aktar mal-ħajja. Minnhom, madwar 70 fil-mija huma persuni singoli, romol u persuni separati jew divorzjati li għandhom dħul baxx.

Ir-rata massima li jitħallsu koppji din is-sena żdiedet għal €27.30 fil-ġimgħa, filwaqt li dik ta' persuni singoli laħqet €14.40 fil-ġimgħa. Ir-rati jvarjaw ukoll skont id-dħul.

L-għadd ta' benefiċjarji minn Diċembru 'l hawn kiber bi kważi 1,000 bis-saħħa tat-twessigħ tal-limiti tad-dħul li sar bil-għan li aktar koppji u persuni singoli jibbenefikaw mill-benefiċċju. Il-limitu tad-dħul nett għall-koppji tela' b'€2,000 għal €20,000, filwaqt li dak ta' persuni singoli żdied b'€1,500 għal €14,000.

Benefiċjarji fl-età ta' 65 sena u aktar minn din is-sena qed igawdu wkoll minn żieda ta' €100 fl-għotja annwali li titħallas separatament mal-allowance. L-għotja li issa tlaħħaq €250 qed tingħata liż-żewġ konjugi minflok għal wieħed jew waħda minnhom kif kien isir qabel.

Barra minn hekk, mill-bidu tas-sena dawn il-benefiċjarji ta' 65 sena jew aktar saru awtomatikament eliġibbli għal mediċini bla ħlas, mingħajr il-ħtieġa li jissodisfaw it-test tal-mezzi.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon tenna li fi żmien ta' inċertezza globali madwar id-dinja, il-Gvern Malti jibqa' joffri l-istabbilità u s-serħan tal-moħħ. Waqt li diversi familji madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, qed ikollhom jiffaċċjaw konsegwenzi devastanti tas-sitwazzjoni ġeopolitika barranija, f'Malta l-familji jkomplu jirċievu sostenn qawwi dirett u indirett mill-Gvern, anke f'din il-leġislatura li għadha kemm bdiet.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li dan jixhed l-impenn soċjali bla preċedent ta' dan il-Gvern li għalih Malta u l-poplu tagħha jiġu l-ewwel, kif jixhed il-Manifest Elettorali li għalih ivvota l-poplu u li issa sar il-programm tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives stresses the need for EU budget to reflect realities of smaller Member States

PR261923EN

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jisħaq fuq il-ħtieġa li l-baġit Ewropew iqis ir-realtajiet tal-Istati Membri ż-żgħar

PR261923

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jis...

More Press Releases Right arrow