STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jerġa’ jinfetaħ mill-ġdid iċ-Ċentru Parrokkjali ta’ Ħal Safi wara li tlesta proġett ta’ riġenerazzjoni
Fl-aħħar xhur, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi beda jwettaq xogħol biex jirriġenera ċ-Ċentru Parrokkjali ta' Ħal Safi, biex wara ammont ta' snin abbandunat, issa se jerġa' jinfetaħ mill-ġdid għall-komunità.
Dan iċ-Ċentru serva minn dejjem bħala l-post ta' laqgħa għall-komunità ta' Ħal Safi, u kien ilu mixtieq li ssirlu r-riġenerazzjoni meħtieġa biex ikun post ta' laqgħa denju għal Ħal Safi. Infatti, dan il-post fl-aħħar snin kien qed jintuża mill-mużew tal-bniet tal-lokal. B'hekk, issa t-tfal ta' Ħal Safi għandhom post denju u sigur fejn jilagħbu, jiltaqgħu u jqattgħu l-ħin tagħhom.
Bħala parti integrali tad-disinn ta' dan il-proġett ta' riġenerazzjoni, kien importanti ħafna li jiġi rispettat l-aspett storiku u arkitettoniku li hu mogħni bih dan il-bini.
Bis-saħħa ta' dan il-proġett ta' restawr estensiv, issa qed tingħata ħajja ġdida lil dan is-sit speċjali u jingħata lura lill-komunità ta' Ħal Safi fi stat ħafna isbaħ, b'aċċessibilità, u funzjonalità aħjar. Dan il-proġett kien jinvolvi sensiela ta' xogħlijiet estensivi ta' tisbiħ, tranġar u restawr b'investiment ta' madwar kwart ta' miljun ewro.
Il-bitħa prinċipali ġiet restawrata b'madum ġdid, b'tali mod li issa tista' terġa' tintuża bħalma kienet tintuża qabel, jiġifieri li jistgħu jerġgħu jibdew isiru l-attivitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokal u l-madwar, bl-użu ta' dan l-ispazju miftuħ, kif ukoll jerġgħu jibdew jittellgħu drammi li tant kienu popolari f'dan il-bini.
Apparti minn hekk, sar xogħol ta' kisi, tikħil, saqaf ġdid tal-konkos, kif ukoll aperturi u bibien ġodda. Sar ukoll dawl arkitettoniku ġdid b'fanali ta' stil antik biex tiġi rispettata l-estetika tal-post.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia sostna kemm hu kburi b'dan il-proġett u bil-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, “iżda fuq kollox, kemm jiena kburi b'Ħal Safi. Dan il-post storiku u fiċ-ċentru tar-raħal reġa' ġie rriġenerat, fejn żgur ser jagħmel memorji ġodda għal ġenerazzjonijiet futuri."
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li dan il-post issa jista' jibda jitgawda mill-Ħal Safin u dawk kollha li jiġu jżuru dan ir-raħal hekk mill-isbaħ, f'dan l-ispazju modern, spazjuż, għall-ġid tal-komunità.
Is-Sindku ta' Ħal Safi Johan Mula qal kif din il-ħolma tar-residenti ta' Ħal Safi issa saret realtà. Mula rringrazzja s-Segretarjat Parlamentari u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tal-ħidma intensiva li għamlu.
Il-Kappillan ta' Ħal Safi, il-Kanonku Ivan Scicluna qal li hu kuntent ħafna li sar dan il-proġett, fejn jista' jerġa' jintuża għall-iskop oriġinali tiegħu, li jkompli jkattar is-sewwa maż-żgħażagħ, it-tagħlim lit-tfal u l-adoloxxenti, u anke għall-adulti u l-anzjani. Il-kappillan ikkonkluda billi rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u lis-Segretarjat Parlamentari.
Dan ix-xogħol ikompli jibni max-xogħol li dan id-Dipartiment wettaq f'diversi binjiet tal-Knisja madwar Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN