STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU U L-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni fil-qalba ta’ Buġibba
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Infrastructure Malta inawguraw il-Pjazza l-ġdida ta' Buġibba, proġett estensiv ta' riġenerazzjoni fil-qalba ta' din iż-żona turistika.
Il-proġett kien inawgurat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, flimkien ma' diversi uffiċjali, ħaddiema u rappreżentanti t'entitajiet u għaqdiet li ħadmu flimkien biex wettqu dan il-proġett li beda madwar sena ilu. Fost il-mistednin kien hemm l-Uffiċjali Kap Eżekuttivi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Infrastructure Malta, Carlo Micallef u Steve Ellul, kif ukoll il-kordinatur tal-proġett, Jason Micallef.
Il-proġett jinkludi trasformazzjoni sħiħa ta' din il-pjazza u t-toroq li jagħtu għaliha, kif ukoll il-prominad biswitha. Fl-istess waqt, sar tisħiħ u tibdil tas-servizzi kollha taħt l-art. Il-ħaddiema biddlu s-sistemi tal-ilma, tad-drenaġġ, tad-dawl u tat-telekomunikazzjoni. Uħud minn dawn is-servizzi tpoġġew f'mina ġdida li nbniet taħt il-pjazza u t-toroq tal-madwar. B'hekk meta jkun hemm bżonn manutenzjoni jew tiswijiet, ma jkunx hemm bżonn li terġa' tinqala' t-triq.
Il-proġett kien jinkludi wkoll sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita permezz ta' katusi taħt il-pjazza u t-toroq tal-madwar, li jagħtu għal ġibjun għall-ħażna tal-ilma għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti fil-pjazza. Ilma tax-xita li jgħaddi minn din is-sistema qed jiġi ffiltrat, bħala parti mill-impenn ta' dan il-proġett lejn aktar sostenibbiltà ambjentali. Ġew installati wkoll sistemi ġodda tad-dawl u tal-irrigazzjoni, u funtana.
Parti sostanzjali mix-xogħlijiet kienet tinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-prominad fl-istess żona, fuq sisien u kolonni strutturali ġodda. Fl-aħħar tax-xogħlijiet, tħawlu għadd ta' siġar u pjanti u ġew installati bankijiet, strutturi ta' kenn, u għamara oħra għall-kumdità tar-residenti u t-turisti li jiġu għall-mistrieħ f'din il-pjazza.
Il-proġett jinkludi wkoll ħames snin ta' manutenzjoni mill-kuntrattur, sabiex tiġi żgurata l-ogħla kwalità u sostenibbiltà fit-tul għal dan l-investiment importanti għall-komunità ta' San Pawl il-Baħar u għall-industrija turistika f'Malta.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg irringrazzja lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Infrastructure Malta, lill-komunità residenzjali u kummerċjali, lill-kunsill lokali, u dawk kollha li ħadmu flimkien biex wettqu dan il-proġett f'Buġibba, investiment li kien ilu ma jseħħ bħalu f'din iż-żona sa mill-1998.
“Qed nagħtu ħajja ġdida lil waħda miż-żoni turistiċi ewlenin f'pajjiżna. Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar huma wkoll lokalità b'waħda mill-ikbar popolazzjonijiet residenzjali u għalhekk, kull ċenteżmu li nvestejna f'din iż-żona se jgawduh ħafna familji u ħaddiema. Għaliex l-aqwa investimenti turistiċi huma dawk li joħolqu kwalità ta' ħajja aħjar lill-komunitajiet lokali," stqarr Dr Borg.
Il-Ministru Chris Bonett spjega kif dan il-proġett juri biċ-ċar kif it-trasport u l-infrastruttura jimxu id f'id. Il-Ministru Bonett qal, “Qed nagħmlu infrastruttura li taqdi aħjar il-mod kif niċċaqalqu, hekk kif ftit ġimgħat ilu bdejna s-servizz tal-fast ferry li jgħaqqad Buġibba ma' Tas-Sliema u Għawdex u li, fi żmien tliet ġimgħat, ra aktar minn 50 elf passiġġier."
Huwa kompla billi qal li l-pjan Malta in Motion qed jidħol fis-seħħ u qed jikkumplimenta wkoll proġetti infrastrutturali oħra, bħall-pjazza ta' Buġibba, u li kull min se jkun qed jasal hemmhekk se jkun jista' jgawdi ambjent isbaħ u aktar modern. Dan hekk kif l-istess se jkun qed iseħħ f'Wied il-Għajn, bix-xogħlijiet li qed isiru fil-prominad u b'konnessjoni ġdida tal-fast ferry sal-aħħar tas-sena.
“Qed nagħtu lura proġett lin-nies. Hawnhekk sar xogħol serju u kif suppost. F'sena u tliet xhur inbidlu s-servizzi kollha, sar service culvert ta' 350 metru flimkien ma' ġibjun ġdid li se jiġbor l-ilma tax-xita biex jintuża għall-pjanti u s-siġar li żrajna. Fuq kollox, l-ilma tax-xita se jkun qed jitnaddaf qabel jispiċċa fil-baħar biex nassiguraw is-sostenibbiltà ta' dan il-proġett. Proġett estensiv li twettaq fil-ħin u li issa se jkun jista' jitgawda minn kulħadd," temm jgħid il-Ministru Bonett.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN