STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Terġa’ tiġi mġedda l-iskema ta’ investiment abbord bastimenti tas-sajd biex tkompli ssaħħaħ is-settur tas-sajd
Il-Gvern ħabbar li l-iskema Investments on Board Fishing Vessels Scheme taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akwakultura (EMFAF) se terġa’ tiġi mġedda sabiex aktar sajjieda Maltin u Għawdxin ikollhom l-opportunità jibbenefikaw minn investimenti moderni abbord il-bastimenti tagħhom.
Din l-iskema għandha l-għan li tkompli tgħin lis-sajjieda jinvestu f’tagħmir u teknoloġiji moderni, itejbu s-sigurtà abbord, isaħħu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jkomplu jagħmlu s-settur aktar sostenibbli u reżiljenti għall-futur.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li, “it-tielet sejħa tal-iskema Investments on Board għandha baġit totali ta’ €200,000, li minnhom €112,000 huma fondi Ewropej. Permezz ta’ din l-iskema qed inkomplu nappoġġjaw lis-sajjieda tagħna biex jinvestu f’tagħmir aktar modern u f’kundizzjonijiet ta’ xogħol aktar siguri u sostenibbli, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-kompetittività tas-settur tas-sajd Malti u Għawdxi.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet li wara r-rispons pożittiv u l-interess qawwi li kien hemm għall-iskema, ittieħdet id-deċiżjoni li din terġa’ tiġi estiża biex aktar sajjieda jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha.
“Din hija skema li qed tagħmel differenza reali fis-settur tas-sajd. Għandna sajjieda li jridu jkomplu jimmodernizzaw il-bastimenti tagħhom, inaqqsu l-ispejjeż operattivi u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Għalhekk ħassejna li kien importanti li din l-iskema terġa’ tiġi mġedda sabiex inkomplu nagħtu sostenn konkret lis-sajjieda Maltin u Għawdxin u ninvestu fil-futur tas-settur. Fl-istess waqt, qed naħdmu wkoll fuq skemi oħra biex ngħinu lis-sajjieda fosthom għaż-żieda fil-prezz tal-liska li jużaw ta’ kuljum. Barra minn hekk, qed inħejju skema oħra mmirata lejn young fishers sabiex żgħażagħ li jixtiequ jixtru l-ewwel bastiment tagħhom jingħataw għajnuna finanzjarja sa 40% tal-prezz tal-bastiment. Dan huwa investiment dirett fil-ġenerazzjoni l-ġdida tas-settur tas-sajd u fil-futur tiegħu,” sostniet is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.
L-iskema ħa tkun qed tiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin għal sajjieda li għandhom liċenzja MFA jew MFB u se tiffoka fuq investimenti li jkomplu jsaħħu s-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-modernizzazzjoni tal-flotta tas-sajd Maltija u Għawdxija.
Aktar dettalji dwar is-sejħa u l-proċess tal-applikazzjoni se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin u jistgħu jinkisbu mis-sit www.fondi.eu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN