STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Wied iż-Żurrieq imqabbad man-network nazzjonali tad-drenaġġ għall-ewwel darba
Tlestew ix-xogħlijiet prinċipali b'investiment ta' €3 miljun f'Wied iż-Żurrieq, il-Qrendi, mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Għall-ewwel darba fl-istorja, permezz ta' dawn ix-xogħlijiet, iż-żona ta' Wied iż-Żurrieq tqabbdet man-netwerk tad-drenaġġ taż-Żurrieq. Għal numru ta' snin is-sistema tad-drenaġġ fiż-żona ta' Wied iż-Żurrieq kienet tiddependi fuq fosos privati għar-resident u n-negozji. It-tlestija ta' dan ix-xogħol wassal għal titjib sinifikanti fis-saħħa pubblika u l-ambjent fiż-żona.
Waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia u membri tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi, inkluż is-Sindku David Schembri ġie innutat ix-xogħol kollu li sar matul dawn l-aħħar xhur u l-importanza ta' proġetti bħal dawn għat-tisħiħ tas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ.
Il-Ministru Miriam Dalli ddeskriviet dan it-tragward bħala eżempju ċar ta' kif l-investiment fl-infrastruttura jtejjeb direttament il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u n-negozji filwaqt li jipproteġi l-ambjent. Hija nnutat li Wied iż-Żurrieq kien ilu jiffaċċja l-inkonvenjent u r-riskji ambjentali assoċjati mal-fosos. Dan il-proġett jindirizza dik ir-realtà b'mod permanenti, billi jissalvagwardja l-wied, il-baħar, l-ilma tal-pjan, u l-komunitajiet tal-madwar. "Għal snin sħaħ, il-familji u n-negozji f'Wied iż-Żurrieq kellhom jiddependu fuq fosos privati. Dan il-proġett huwa investiment dirett biex is-sistema antika ta' fosos tiġi eliminata darba għal dejjem u issa Wied iż-Żurrieq huwa imqabbad man-network nazzjonali tad-drenaġġ. Juri biċ-ċar l-impenn tagħna għal infrastruttura moderna u iktar robusta li tissalvagwardja l-widien tagħna, l-ilma tal-pjan tagħna, u l-komunitajiet tagħna, filwaqt li twassal servizz aktar sostenibbli lir-residenti."
Ix-xogħlijiet li saru jinkludu l-ikkummissjonar ta' pumping station ġdida, it-tqegħid ta' 1.6km ta' cable tad-dawl biex titħaddem il-pumping station, it-tiġdid ta' 1km ta' main tal-ilma tax-xorb, l-installazzjoni ta' aktar minn 1km ta' wastewater gravity main u t-tqegħid ta' aktar minn 4km ta' wastewater rising main. Diġà tlestew aktar minn 3,000 metru kwadru ta' reinstatement bl-asfalt fiż-żona tal-proġett. In-network tad-drenaġġ issa ġie kkummissjonat kompletament u huwa 100% lest.
Il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia qal li, “Dan il-proġett huwa parti mill-pjan ta' investiment nazzjonali tal-Korporazzjoni ta' €377 miljun, li qed iwassal għal titjib tal-infrastruttura tal-ilma u tad-drenaġġ madwar Malta u Għawdex. Dan jirrifletti l-impenn tagħna li nwasslu servizzi moderni u affidabbli lil kull lokalità filwaqt li niżguraw li nilħqu l-ogħla standards ta' sostenibbiltà u responsabbiltà ambjentali."
Il-proġett jifforma parti minn sforz nazzjonali usa' biex jittejbu s-sistemi tad-drenaġġ ta' Malta, jitnaqqsu r-riskji ta' tniġġis, u jiġi żgurat li l-lokalitajiet kollha jibbenefikaw minn servizzi iktar affidabbli u li jħarsu l-ambjent.
Ix-xogħlijiet twettqu b'koordinazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali, ir-residenti u n-negozji sabiex jiġi żgurat li sakemm kienu qiegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet l-inkonvenjent kien mill-inqas. Huwa permezz ta' proġetti bħal dawn li juru l-impenn lir-residenti u n-negozji ta' Wied iż-Żurrieq biex ikollhom infrastruttura li hija tal-għola kwalità kemm għal-preżent kif ukoll għall-futur.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN