STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Jiftaħ Ċentru ta’ Matul il-Jum għal Persuni bid-Dimensja f’Tas-Sliema
Infetaħ uffiċjalment iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum għal Persuni bid-Dimensja f'Tas-Sliema, sabiex ikomplu jissaħħu s-servizzi ta' appoġġ fil-komunità għal persuni li jgħixu bid-dimensja u għall-familji tagħhom. Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea u s-Segretarju Permanenti Renzo De Gabriele.
Il-proġett kien jikkonsisti f'xogħlijiet ta' rinnovazzjoni, wara li ġie ffirmat ftehim mal-Kurja f'Marzu 2025 li pprovdiet il-binja. Il-proġett huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja 'Nilħqu Livelli Ġodda 2024-2031'.
Iċ-ċentru huwa mfassal biex joffri kura speċjalizzata, appoġġ terapewtiku u servizzi ta' respite lill-familji li ta' kuljum jiffaċċjaw il-piż emozzjonali, fiżiku u finanzjarju tad-dimensja. Fost il-faċilitajiet innovattivi tiegħu hemm sensory-room mgħammra b'sistema ta' projector interattiv li tippermetti attivitajiet immersivi u personalizzati skont il-bżonnijiet tal-individwu.
Iċ-ċentru jinkludi wkoll reminiscence-lounge u spazji oħra ddedikati għal attivitajiet terapewtiċi, rikreattivi u soċjali mmexxija minn professjonisti u carers imħarrġa. Dawn l-attivitajiet huma mmirati biex isaħħu l-indipendenza, l-interazzjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja f'ambjent sigur u komdu.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li huwa stmat li madwar 50 familja se jibbenefikaw minn dan is-servizz ġdid, li għandu l-għan li jgħin biex persuni bid-dimensja jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom għal aktar żmien. “Dan hu proġett ieħor li jsegwi l-istrateġija nazzjonali għall-ħarsien tad-dimensja. Permezz ta' ħames ċentri f'pajjiżna għal persuni bid-dimensja, il-Gvern kommess li jkompli jaħdem biex ikabbar aktar servizzi u ċentri ta' dan it-tip li joffru kura ta' kwalità fil-komunità fejn inkomplu ngħinu persuni u familji Għawdxin u Maltin li jgħixu b'din il-kundizzjoni", temm jgħid Dr Abela.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea kkumplimenta dan il-proġett mill-aktar fejjiedi u stqarr li dan il-pass isaħħaħ b'mod konkret il-ħidma determinata tas-settur b'risq ħarsien aktar sensibbli u holistiku lejn persuni li jkunu qed isofru mill-kundizzjoni tad-dimensja, fl-istess waqt li jserraħ ras il-qraba u l-familjari tagħhom. “Bħalma wrejna bil-fatti konkreti fl-aħħar snin ukoll – mhux l-inqas illum bil-ftuħ ta' dan iċ-ċentru –kommessi li nkomplu ntejbu bi sħiħ il-faċilitajiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom l-anzjani tagħna," stqarr Dr Agius Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN