STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Uniformi ġdida għar-Rapid Intervention Unit
- Investiment ieħor fir-riżorsi u l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija
Hekk kif xahar ilu ġew inawgurati vetturi ġodda għar-Rapid Intervention Unit (RIU), il-Korp tal-Pulizija kompla jsaħħaħ din it-taqsima speċjalizzata permezz ta' uniformi ġdida maħsuba biex tkompli ttejjeb il-kumdità u l-effiċjenza tal-uffiċjali waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
L-uniformi l-ġdida ġiet iddisinjata apposta biex tilqa' għall-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tal-RIU. Id-disinn tagħha ġie żviluppat wara evalwazzjoni u konsultazzjoni mill-qrib mal-uffiċjali tal-istess taqsima, sabiex il-ħtiġijiet identifikati jiġu indirizzati bl-aktar mod effettiv u prattiku.
Magħmula minn materjal li joffri aktar mobilità, ventilazzjoni u kumdità waqt il-ħidma tagħhom, l-uniformi tinkorpora wkoll bwiet li jagħmluha aktar prattika kemm waqt it-tour of duty kif ukoll f'operazzjonijiet fuq il-post. Filwaqt li l-kulur iswed jagħti identità distinta lill-RIU, id-disinn ġenerali jibqa' konsistenti mal-working uniform attwali tal-Korp tal-Pulizija ta' Malta, b'varjazzjonijiet żgħar adattati għall-ħtiġijiet operattivi tas-sezzjoni sabiex tinżamm l-identità tal-Korp.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri sostna kif dan l-investiment huwa parti minn ħidma kontinwa sabiex il-membri tal-Korp ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, tagħmir aktar modern, ambjent aqwa u riżorsi li jkomplu jsaħħu l-operat tagħhom ta' kuljum. Sostna għalhekk li dan huwa wkoll investiment fil-familji Maltin u Għawdxin hekk kif dan kollu jissarraf f'servizz aqwa.
Huwa enfasizza kif il-Gvern se jibqa' jinvesti kemm fit-tagħmir kif ukoll fil-benesseri tal-uffiċjali sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom bl-ogħla livell ta' professjonalità u effiċjenza.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li l-uniformi l-ġdida tirrifletti l-impenn tal-Korp biex ikompli jadatta għar-realtajiet operattivi moderni u jipprovdi lill-uffiċjali tagħmir li jkun adegwat għall-funzjonijiet speċjalizzati tagħhom. Huwa spjega kif il-kontribut tal-uffiċjali stess fid-disinn tal-uniformi kien kruċjali sabiex il-prodott finali jkun wieħed prattiku, komdu u adattat għax-xogħol intensiv li jwettqu l-RIU.
Din is-sezzjoni ser tibda tuża din l-uniformi b'mod uffiċjali mis-7pm tal-lejla.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN