STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jitlesta l-proġett ta’ Vjal Kulħadd fit-triq li tgħaqqad Ħal Luqa u l-Gudja b’infrastruttura moderna favur mobilità aktar sigura u sostenibbli
Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar it-tlestija tax-xogħlijiet fi Triq il-Gudja, li tgħaqqad l-irħula ta’ Ħal Luqa u l-Gudja. Dan ix-xogħol sar bħala parti mill-inizjattiva Vjal Kulħadd, bi proġett estensiv ta’ riġenerazzjoni u modernizzazzjoni tal-infrastruttura.
Dan il-proġett wassal għal ridisinn tat-triq, b’enfasi aktar qawwija fuq mobilità sigura, sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd. Għall-ewwel darba, din it-triq għandha korsija segregata ddedikata għal persuni li jużaw ir-rota u għal dawk li jimxu, biex b’hekk inħolqot konnessjoni aktar sigura u komda bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet. It-triq issa tinkludi żewġ karreġġjati, waħda f’kull direzzjoni, li se jkomplu jtejbu l-aċċessibbiltà u l-konnettività bejn Ħal Luqa u l-Gudja għall-vetturi wkoll.
Barra minn hekk, tul it-triq kollha tħawlu numru ta’ siġar u arbuxelli ġodda li mhux biss isebbħu din iż-żona għal kull min jgħaddi minn din it-triq iżda joħolqu wkoll ambjent aktar sostenibbli.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett sostna li dan il-proġett huwa parti mill-ħidma kontinwa tal-Gvern biex jinvesti f’infrastruttura moderna li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, filwaqt li tħeġġeġ aktar mezzi alternattivi ta’ trasport u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Il-Ministru Bonett qal li, “Dan ix-xogħol huwa parti mill-pjan Malta in Motion fejn qed naħdmu fuq diversi proġetti li jinċentivaw u joffru l-ispazju biex wieħed jivvjaġġa b’mezzi ta’ trasport alternattivi, f’dan il-każ il-mixi u ċ-ċikliżmu.” Huwa spjega li dan huwa l-kunċett li bih qed tinħoloq infrastruttura aktar moderna u li taqdi l-ħtiġijiet ta’ kulħadd.
Is-Sindku tal-Gudja Romeo Baldacchino qal li dan il-proġett se jkun konness ma’ toroq oħra fil-Gudja li se jkunu qed isiru b’dan il-kunċett ukoll. Huwa qal, “Ir-residenti qed jimxu aktar f’din l-akwata hekk kif saret aktar sigura għalihom.”
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri esprima s-sodisfazzjon tiegħu wara li tlesta dan il-proġett. “Dan il-proġett kien mistenni ħafna kemm mir-residenti ta’ Ħal Luqa kif ukoll tal-Gudja. Iż-żewġ kunsilli lokali ħadmu flimkien biex jitwettaq dan il-proġett ta’ investiment kbir li se jkun qed joffri ambjent aħjar għal kull min jgħaddi minn din iż-żona,” temm jgħid is-Sur Schembri.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN