STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEW U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Inawgurazzjoni ta’ Farrugia Woodworks: ħolma ta’ intraprenditur Malti li saret realtà
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, inawguraw il-fabbrika Farrugia Woodworks. Fabbrika li hija eżempju ċar ta' ħolma ta' familja, ta' negozjant li saret realtà.
Kenneth Farrugia beda jaħdem l-injam minn garaxx taħt l-art waħdu 30 sena ilu u ftit ftit baqa' jkabbar in-negozju u llum ġiet inawgurata fabbrika awtomatizzata fiż-żona industrijali ta' Bulebel.
Waqt id-diskors tiegħu il-Ministru Silvio Schembri nnota s-suċċess miksub u sostna li l-Gvern qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex irawwem ambjent ekonomiku stabbli. Huwa stqarr li, “Kultant, meta nitkellmu fuq l-ekonomija, nintilfu fin-numri, fl-istatistika, u fl-investiment barrani. Imma r-realtà hi li s-sinsla ta' pajjiżna hija l-ħaddiema Maltin u l-imprenditur Malti. Għalhekk bħala Gvern ninsabu kburin li nibqgħu spalla ma' spalla man-negozji lokali tagħna."
Il-Ministru Schembri żied jgħid li dan il-pass juri l-kuraġġ ta' negozji li mhumiex jibżgħu jikbru u jinvestu għaż-żmien li ġej. “Bnejna ekonomija b'saħħitha mhux biss għal-lum, iżda wkoll għall-futur. Din ir-reżiljenza u l-istabbiltà qed ikomplu jiġu kkonfermati minn aġenziji internazzjonali ewlenin tal-kreditu, bħal Moody's u DBRS Morningstar. Din il-ġimgħa stess, it-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea wera li t-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna se jikber b'4%, filwaqt li f'pajjiżi oħra bħall-Ġermanja u l-Italja huwa mbassar li se jkun ta' 0.7% u 0.5% rispettivament. Huwa proprju bis-saħħa ta' dan it-tkabbir u l-istabbiltà li nistgħu nkomplu noffru s-serħan il-moħħ u l-fiduċja meħtieġa għal kumpaniji bħal dawn. Grazzi għal din l-ekonomija b'saħħitha u ambjent li jappoġġja b'mod attiv it-tkabbir tan-negozji, nagħmlu kuraġġ lil dawk il-persuni lesti jieħdu r-riskju u jagħmlu l-pass li jiftħu n-negozju tagħhom f'Malta," qal il-Ministru Schembri.
Huwa fakkar ukoll kif fil-budget ta' din is-sena ħabbru skema li tgħin negozji bħal tas-Sur Farrugia jinvestu fl-awtomizzazzjoni u diġitalizzazzjoni u jingħataw sa 60% tal-investiment li jkunu għamlu lura f'forma ta' kreditu tat-taxxa.
Dan it-tip ta' tkabbir huwa kontinwament appoġġjat mill-Gvern mhux biss permezz ta' fondi Ewropej, iżda wkoll permezz ta' Malta Enterprise u l-INDIS.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-investiment ta' aktar minn €265,000 f'fondi Ewropej fil-Farrugia Woodworks qed jgħin lil dan in-negozju Malti jkompli jinvesti f'makkinarju modern, itejjeb il-produttività tiegħu u jsaħħaħ il-kompetittività tiegħu. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna li meta n-negozji jkollhom il-viżjoni li jinvestu fil-futur tagħhom, il-Fondi Ewropej ikunu mezz importanti biex jgħinuhom jikbru, joħolqu aktar impjiegi ta' kwalità u jkomplu jikkontribwixxu għall-ekonomija ta' pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN