STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Inawgurat Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq
Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq, spazju miftuħ ta’ madwar 1,150m2 fejn qabel kien tarmak, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, flimkien mat-tim ta’ Project Green u s-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima. Dan il-ġnien inbidel minn żona bit-tarmak, għal spazju miftuħ aċċessibbli f’żona residenzjali.
F’dan il-proġett ġie skavat ġibjun biex jiġbor fih l-ilma tax-xita mit-triq ħalli jintuża għat-tisqija tas-siġar u arbuxelli indiġeni. Ġiet installata sistema ta’ dawl solari, kif ukoll bankijiet u apparat ieħor li flimkien ħolqu spazju rikreattiv għall-komunità Żurrieqija.
Fis-sit ġie installat luzzu Malti, tal-mibki Gianni “l-Lixxu” Tonna, li ġie restawrat u ngħata b’donazzjoni lill-Kunsill Lokali bħala tifkira tiegħu. Dan il-luzzu tpoġġa fil-ġnien, inizjattiva kkordinata mis-Sindku flimkien ma’ Joseph Farrugia “t-Timba”, li assista fit-trasport u t-tħejjija tiegħu.
Fi Ġnien Misraħ il-Karmelitani tħawlu 40 siġra matura u 1,620 arbuxxell.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Proġett ieħor lest. Proġett wara l-ieħor, qed inkomplu nressqu aktar spazji miftuħa u aċċessibbli fil-komunitajiet tagħna. Ġnien Misraħ il-Karmelitani huwa eżempju ċar ta’ kif żona li qabel kienet miksija bit-tarmak inbidlet fi spazju ambjentali, sigur u rikreattiv għall-familji, ir-residenti u t-tfal taż-Żurrieq. Spazji bħal dawn jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum, għax joħolqu postijiet fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu, jistrieħu u jqattgħu ħin ta’ kwalità fil-beraħ.”
“Dan il-proġett juri wkoll kif l-ambjent urban jista’ jitfassal b’mod aktar sostenibbli. Permezz tal-ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita, is-sistema ta’ dawl solari, u t-tħawwil ta’ siġar u arbuxxelli indiġeni, qed ninvestu f’infrastruttura ħadra li sservi lin-nies illum filwaqt li tgħin lill-komunitajiet tagħna jkunu aktar reżiljenti għall-isfidi ambjentali. Bħala Gvern, flimkien ma’ Project Green u l-kunsilli lokali, se nkomplu naħdmu biex aktar lokalitajiet ikollhom spazji miftuħa ta’ kwalità qrib id-djar tagħhom,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Perit tal-proġett, Daniel Tabone spjega kif f’dan il-ġnien wieħed jista’ jsib żona li fiha jista’ jospita sezzjonijiet tal-yoga. “F’kull proġett li naħdmu bħala Project Green, dejjem naraw li l-ispazji miftuħa jkollhom użi differenti tal-ġnien, li tmur lil hinn minn spazju miftuħ. Propju hawnhekk fi Ġnien Misraħ il-Karmelitani rajna li noħolqu spazju apposta għal sezzjonijiet ta’ yoga jew eżerċizzju ieħor – b’dan il-mod qed nagħtu opportunità lill-pubbliku biex jagħmel eżerċizzju għal ħajja aktar b’saħħitha,” irrimarka l-Perit Tabone.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll membri tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u l-familjari ta’ Gianni Tonna.
Ġnien Misraħ il-Karmelitani, huwa fost 16-il proġett li ħabbret Project Green permezz tal-iskema Community Greening Grant.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN