STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Jibda l-proċess ta’ kostruzzjoni fl-Isptar Mater Dei biex jitkabbar id-Dipartiment tal-Emerġenza u tinbena l-facilità ġdida ta’ Kura Psikjatrija Akuta
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li se jibda l-proċess ta' kostruzzjoni fl-isptar Mater Dei biex jitkabbar id-Dipartiment tal-Emerġenza, u tinbena l-facilità ġdida ta' Kura Psikjatrija Akuta.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li l-proġett se jsir b'investiment ta' €120 miljun fuq medda ta' tliet snin. Spjega li l-espansjoni tal-Emerġenza ser iżżid n-numru tal-cubicles fl-emerġenza minn 35 għal 70. Qal kif dan jinkludi l-introduzzjoni ta' kmamar multi-sensorjali għal pazjenti bl-awtiżmu u kmamar meħtieġa għal aktar privatezza.
Dr Abela spjega kif il-proġett tal-Emerġenza jikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern biex jindirizza l-esperjenza tal-pazjenti li jirrikorru f'dan id-dipartiment vitali f'Mater Dei. Il-proġett jindirizza l-ħin ta' stennija b'mod definittiv għax jingħaqad ma' inizjattivi implimentati fl-aħħar xhur. Dawn jinkludu t-tħejjija ta' żewġ swali ġodda, il-ħolqien tal-helpline 1400 li f'sena rċeviet 35,000 telefonata u ffrankat 15,000 ammissjoni fl-Emerġenza ta' Mater Dei; ġie introdott is-servizz ta' First Senior Medical Contact and streaming; l-ingaġġar ta' konsulenti mediċi li jispeċjalizzaw fl-ammissjonijiet; it-tħejjija ta' Surgical High Dependency Unit akbar u Medical High Dependency Unit ġdid.
Il-Ministru Abela qal li t-tieni parti ta' dan il-proġett hija game changer fejn tidħol il-kura tas-saħħa mentali. L-Acute Psychiatric Unit huwa konsonanti mal-viżjoni tal-WHO u jintegra s-saħħa mentali mas-saħħa fiżika, biex tinqered l-istigma kontra s-saħħa mentali. Il-Ministru qal li għal dan il-għan, se tkun qed tinbena din il-Unit ġdida li ser ikun fiha 135 sodda maqsumin f'taqsimiet speċjalizzati.
“Kif wegħdna, kollox huwa lest biex jibda proġett uniku li ħa jilħaq iż-żewġ miri li ħa jibdlu għal dejjem il-kura tal-emerġenzi u s-saħħa mentali f'Malta. Dan il-proġett ħa jkollu impatt pożittiv fuq is-saħħa pubblika li se jinħass għal bosta snin," temm jgħid Dr Abela.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN