STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Diversi inizjattivi f’Bormla li qed jitwettqu mill-Kunsill Lokali għall-ġid tal-komunità
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku ta' Bormla Marco Agius żaru xogħlijiet ta' tisbiħ li bħalissa qed isiru f'toroq u żoni differenti fil-lokalità ta' Bormla permezz ta' fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Ix-xogħlijiet qed isiru f'Verdala Barracks, San Ġwann t'Għuxa, Triq Alessandra, Kwartieri San Nikola, Triq John Pace u fi Triq s-Suq Bonnici, bil-għan li jkompli jtejjeb l-ambjent urban.
Waqt iż-żjara, is-Sindku ta' Bormla Marco Agius qal ukoll li għaddejja ħidma mill-Kunsill Lokali biex ikomplu jtejbu s-servizzi offruti lill-komunità, b'mod partikolari s-servizz ta' trasport għall-anzjani. Huwa spjega li dan is-servizz issa se jkun qed jiġi estiż sabiex jinkludi wkoll trasport lejn l-Isptar Mater Dei, San Vinċenz de Paul u ċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran, bil-għan li l-anzjani tal-lokalità jkollhom aktar aċċessibbiltà għal servizzi essenzjali u kura tas-saħħa.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet kif il-fondi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali qed jgħinu lill-kunsilli lokali jwettqu proġetti li jagħmlu differenza reali fil-komunitajiet tagħhom. “Ninnota b'sodisfazzjon kif il-Kunsill Lokali ta' Bormla qed ikompli jinvesti fil-kwalità tal-ispazji pubbliċi fil-lokalità, kif ukoll li s-servizz ta' trasport għall-anzjani fil-lokalità qed ikompli jikber u jissaħħaħ sabiex jilħaq aktar persuni u aktar destinazzjonijiet importanti għall-komunità," sostniet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Marco Agius spjega kif il-Kunsill Lokali qed ikompli jaħdem sabiex joffri aktar servizzi u investiment dirett lir-residenti. “Bormla kienet minn fost l-ewwel kunsilli lokali li implimentat servizz ta' trasport għall-anzjani fil-lokalità. Illum ninsabu kuntenti li qed inħabbru estensjoni ta' dan is-servizz sabiex l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jivvjaġġaw ukoll lejn tliet ċentri tas-saħħa ewlenin. Dan huwa investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tar-residenti tagħna," qal is-Sindku Marco Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN