Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Kundizzjonijiet aqwa għall-uffiċjali tal-probation u l-parole għal servizz aqwa fil-komunità

PR260888
Date Icon 19/05/2026

Investiment ieħor fil-professjonisti tal-Probation u l-Parole se jkompli jsaħħaħ is-servizzi fil-komunità permezz ta’ ftehim settorali ġdid li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, joħloq aktar opportunitajiet ta’ karriera u jkompli jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-Uffiċjali tal-Probation fis-soċjetà.

Il-ftehim iffirmat bejn il-Gvern u l-UĦM jinkludi titjib sostanzjali fil-karriera u l-benefiċċji tal-uffiċjali, filwaqt li jindirizza wkoll il-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi umani fi ħdan id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole sabiex is-servizzi mogħtija jkunu aktar effiċjenti u effettivi.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, sostna li dan il-ftehim jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-ħaddiema u jirrikonoxxi l-irwol importanti li għandhom l-Uffiċjali tal-Probation fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u biex dawn il-persuni jerġgħu jintegraw lura fis-soċjetà. 

“Dan huwa ftehim li mhux biss isaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, iżda wkoll ikompli jtejjeb il-kwalità tas-servizz li jingħata lis-soċjetà. Qed ninvestu f’aktar professjonisti, aktar taħriġ u aktar għodod sabiex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom bl-aħjar mod,” sostna l-Ministru Camilleri.

Permezz tal-ftehim ġew introdotti żewġ gradi ġodda fil-klassi tal-Uffiċjali tal-Probation, inkluż il-grad ta’ Assistant Probation Officer, sabiex individwi interessati f’dan il-qasam ikunu jistgħu jidħlu fil-professjoni fi stadju aktar bikri u jiksbu taħriġ u esperjenza fuq il-post tax-xogħol.

Il-ftehim jipprovdi wkoll żidiet sostanzjali fl-allowances eżistenti, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ Performance Bonus ġdid marbut mal-prestazzjoni u l-ħidma addizzjonali mwettqa mill-uffiċjali.

Fost il-miżuri ewlenin hemm żieda fil-Continuous Professional Development Allowance sabiex jitkompla jiġi sostnut it-taħriġ kontinwu u l-iżvilupp professjonali tal-Uffiċjali tal-Probation filwaqt li żdiedet ukoll b’mod sinifikanti l-Probation and Parole Allowance.

Il-Ministru Camilleri enfasizza li dan il-ftehim ikompli jibni fuq il-ħidma tal-Gvern biex jissaħħu s-servizzi ta’ probation u parole, partikolarment fil-ħidma relatata mat-tnaqqis tar-reċidiviżmu u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-individwi fis-soċjetà.

Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, Carmen Borg, qalet li s-servizz offrut mid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole ġie msaħħaħ permezz ta’ dan il-ftehim settorali, li indirizza l-ħtiġijiet tal-Uffiċjal tal-Probation filwaqt li żgura li s-servizz mogħti mill-istess dipartiment ikun wieħed aktar effiċjenti.

Hija spjegat li l-effiċjenza tas-servizz hija wkoll importanti ħafna, speċjalment meta wieħed iqis l-irwol tad-dipartiment fir-rigward tat-tnaqqis tar-reċidiviżmu. Żiedet li, flimkien ma’ entitajiet oħra li jaħdmu fis-settur, id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole jaħdem sabiex permezz ta’ kollaborazzjoni waħda jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-individwi taħt superviżjoni, b’din l-għajnuna twassal għal anqas reċidiviżmu u aktar integrazzjoni mill-ġdid soċjali.

Id-Direttur temmet tgħid li dan kollu qed ikompli jissaħħaħ permezz ta’ dan il-ftehim settorali, li wassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Uffiċjali tal-Probation.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Kundizzjonijiet aqwa għall-uffiċjali tal-probation u l-parole għal servizz aqwa fil-komunità
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow