Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI 27 Perit ġdid jingħataw il-Warrant

PR260884
Date Icon 19/05/2026

Saret iċ-ċeremonja tal-għoti tal-Warrant tal-Periti, fejn 27 Perit ingħataw dan il-Warrant sabiex sarrfu t-tant xogħol li sar biex laħqu din il-fażi hekk importanti f'ħajjithom.

F'indirizz waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Warrants, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, enfasizza l-irwol kruċjali tal-professjoni tal-perit fis-soċjetà Maltija, b'mod partikolari fil-ħolqien ta' spazji li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u tal-komunitajiet. Huwa sostna li l-periti huma fost il-pilastri ewlenin fl-iżvilupp tal-pajjiż, hekk kif il-ħidma tagħhom tħalli impatt dirett fuq il-mod kif jgħixu u jaħdmu ċ-ċittadini.

Matul id-diskors, ġie mfakkar ukoll li l-Warrant juri impenn lejn l-integrità, il-kompetenza u r-responsabbiltà lejn il-pubbliku. Il-periti l-ġodda ġew imħeġġa sabiex dejjem jippromwovu żvilupp sostenibbli u bilanċjat li jirrispetta l-identità u l-karattru ta' pajjiżna.

Matul din iċ-ċeremonja, is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll titjib importanti fil-progressjoni tal-karriera għall-Periti Gradwati fi ħdan is-Servizz Pubbliku. Wara diskussjonijiet li saru matul dawn l-aħħar xhur mal-ħaddiema konċernati, kif ukoll mal-istakeholders kollha involuti, ġiet indirizzata sitwazzjoni fejn Periti Gradwati kienu qed jistennew diversi xhur wara li jgħaddu mill-eżami tal-Warrant sabiex jingħataw ir-rikonoxximent professjonali dovut. B'effett immedjat, Perit Gradwat mas-Servizz Pubbliku li jgħaddi mill-eżami tal-Warrant u jieħu l-ġurament quddiem il-Qrati se jkun rikonoxxut minnufih u jipprogressa direttament għall-grad ta' Junior Architect.

Dan l-iżvilupp jirrifletti l-impenn kontinwu tas-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi sabiex jiġu assigurati proċessi dejjem aktar ġusti, effiċjenti u li jimmotivaw aktar il-professjonisti fi ħdanu, filwaqt li jkompli jissaħħaħ il-valur tal-karrieri tekniċi u professjonali fis-servizz pubbliku.

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-Bord tal-Warrants tal-Periti tal-kollaborazzjoni u l-impenn tiegħu matul dawn id-diskussjonijiet, kif ukoll lill-istakeholders kollha li taw il-kontribut tagħhom sabiex din it-talba tal-ħaddiema ġiet indirizzata b'mod pożittiv u konkret.

“Kien ta' unur li nara uċuħ ta' sodisfazzjon b'ħafna determinazzjoni fuq is-27 perit illi ngħataw il-Warrant sabiex jimirħu fil-karriera professjonali tagħhom. Il-messaġġ tiegħi għalikom hija oħolmu, aħsbu, iddisinnjaw proġetti sostenibbli li jirrispettaw lilkom infuskom, iżda fuq kollox, illi jirrispettaw is-soċjetà Maltija, sabiex il-kwalità f'dak kollu li nagħmlu iwassal għal Malta isbaħ u aħjar," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Warrant tal-Periti Dr Frank Psaila qal kif matul dawn l-erbgħa snin kien hemm ħafna periti li poġġew għall-eżami tal-Warrant u minnhom 207 ħadu ċ-ċertifikat tal-Warrant. Psaila kompla billi qal kif “kienu erba' snin fejn ħdimna flimkien anke mal-Kamra tal-Periti biex komplejna nsaħħu din il-professjoni tant importanti għall-pajjiżna, kif ukoll kellna kollaborazzjoni tajba ħafna mas-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi u sodisfatti bl-andament ta' kif marru l-affarijiet matul dawn l-erba' snin."

Il-Warrants bdew permezz tal-Architects Ordinance tal-1919. Sena wara, fl-1920, ġiet imwaqqfa l-Kamra tal-Periti u l-ewwel warrants ħarġu mill-istess liġi.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI 27 Perit ġdid jingħataw il-Warrant
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI 27 Perit ġdid jingħataw il-Warrant
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow