STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI €6.5 miljun investiment ġdid għal Ċentru Nazzjonali modern ta’ Rehoming tal-Annimali
Il-Ministru Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħabbru l-iżvilupp ta’ Ċentru Nazzjonali ġdid ta’ Rehoming, deċiżjoni importanti li se ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.
Dan il-proġett huwa parti mill-impenn tal-Gvern u għandu l-għan li jindirizza l-pressjoni dejjem tikber fuq il-faċilitajiet eżistenti tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali. Iċ-ċentru se jipprovdi spazju adegwat għal annimali salvati jew konfiskati, fejn jingħataw kura, riabilitazzjoni u opportunità ġdida ta’ adozzjoni.
L-investiment totali jammonta għal madwar €6.5 miljun u jinkludi l-kostruzzjoni u t-tagħmir meħtieġ sabiex iċ-ċentru jkun operattiv b’mod modern u effiċjenti. Il-faċilità se tinkludi kenn għall-klieb, qtates, żwiemel u annimali oħra, kif ukoll spazji ta’ terapija assistita, ċentru edukattiv u żoni miftuħa għall-pubbliku li jsaħħu l-għarfien u l-involviment tas-soċjetà.
Il-proġett se jkun ibbażat fis-Siġġiewi, fejn is-sit magħżul jipprovdi ambjent aktar adattat għall-annimali, jiffaċilita operat aktar effiċjenti u jsaħħaħ is-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien.
Fir-rigward tal-mudell ta’ tmexxija, il-Gvern għażel mudell ibbażat fuq kollaborazzjoni mal-NGOs. Dan jippermetti lill-Gvern iżomm ir-responsabbiltà tal-investiment u s-sorveljanza strateġika, filwaqt li l-operat ta’ kuljum jiġi fdat f’idejn organizzazzjonijiet b’esperjenza fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali. Dan il-mudell huwa mistenni jwassal għal effiċjenza akbar u sostenibbiltà finanzjarja aħjar fit-tul.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo saħaq li dan il-proġett jirrappreżenta investiment konkret fil-ħarsien tal-annimali. Huwa qal li dan iċ-ċentru mhux biss se jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-annimali, iżda se jkompli jsaħħaħ l-għarfien dwar ir-responsabbiltà lejn l-annimali. Huwa temm jgħid li dan huwa pass importanti lejn sistema aktar moderna u umana, fejn il-Gvern qed jinvesti mhux biss f’infrastruttura, iżda fil-benesseri tal-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet li dan il-proġett huwa pass importanti lejn sistema aktar moderna u sostenibbli għall-ħarsien tal-annimali f’Malta. Hija saħqet li permezz tal-kollaborazzjoni mal-NGOs, iċ-ċentru se jkun jista’ joffri kura aħjar, aktar opportunitajiet ta’ adozzjoni u ambjent aktar adattat għall-annimali salvati jew abbandunati. Żiedet ukoll li din kienet waħda mill-miżuri mħabbra fil-Budget u li l-Gvern issa qed iwettaqha permezz ta’ investiment konkret favur il-benesseri tal-annimali u infrastruttura aktar moderna f’dan is-settur.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN