STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Ġnien ġdid għall-Gżira permezz ta’ proġett ta’ €10 miljun għar-riabilitazzjoni tal-pumping station fil-lokal
Binja Neogotika ta’ Grad 1 se tiġi restawrata u, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, se tinfetaħ għall-pubbliku bi ġnien ġdid imfassal b’rispett lejn il-wirt storiku tagħha.
Dan tħabbar mill-Ministru Miriam Dalli u l-Ministru Byron Camilleri waqt preżentazzjoni tal-pjanijiet għar-riabilitazzjoni tal-pumping station fil-Gżira b’investiment ta’ €10 miljun. Din il-pumping station hija monument skedat u pilastru importanti fl-infrastruttura tal-ilma ta’ Malta lejn l-aħħar tas-seklu dsatax.
Il-proġett se jerġa’ jiftaħ il-bibien tal-post li ilhom magħluqin għal aktar minn seklu u se jittrasforma l-art ta’ madwaru fi ġnien pubbliku.
“Dan se jkun ġnien għall-ħajja ta’ kuljum, post fejn it-tfal jistgħu jilagħbu, fejn residenti anzjani jistgħu jgawdu d-dell, fejn il-komunità tista’ torganizza attività mingħajr ma jkollha titlaq mil-lokalità tagħha stess. U qed jitwettaq, intenzjonalment, b’attenzjoni lejn il-pumping station innifisha. Dan żgur mhux proġett iżolat; il-Korporazzjoni waħedha għandha numru ta’ binjiet operattivi, ħafna minnhom storikament importanti, mifruxa ma’ Malta kollha. Għal għexieren ta’ snin, kien hawn l-impressjoni li l-wirt storiku u l-infrastruttura moderna huma f’kunflitt ma’ xulxin. Dak li qed taraw illum huwa prova li dan il-ħsieb huwa żbaljat. Dan huwa l-mudell li rridu nkomplu nwettqu fil-proġetti tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
“Kemm hu tajjeb li proġetti ta’ dan it-tip qed isiru mal-pajjiż kollu u sodisfatt immens li llum qegħdin hawn biex flimkien, bħala tim, nassiguraw li dan il-proġett li qed tmexxi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’nofs il-Gżira jsir realtà fi żmien mhux ’il bogħod. Din hija żona li għandha l-ħtiġijiet partikolari tagħha. Naf anke bħala Ministru għall-Intern, dejjem rajna kif ngħinu biex dawn il-ħtiġijiet ikunu indirizzati. Iżda, l-irwol tiegħi bħala Ministru responsabbli wkoll minn Komunità Malta, jdaħħalni f’diskussjonijiet biex inwettqu proġetti ta’ fejda li jkollhom għanijiet diversi, soċjali, kulturali u ambjentali fost oħrajn. Nista’ ngħid li dan hu proġett li jilħaq dawn id-diversi għanijiet,” qal il-Ministru Byron Camilleri.
Il-ġnien il-ġdid se jkun l-aktar element viżibbli, u se jkun miftuħ għall-pubbliku. Se jsir xogħol estensiv ta’ tisbiħ fil-pajsaġġ madwar l-istazzjon, inkluż landscaping, postijiet fid-dell fejn wieħed jista’ joqgħod bilqiegħda, u spazji iżgħar fejn in-nies jistgħu jinġabru. Ix-xogħol se jsir b’tali mod li jidhru aħjar il-faċċati ewlenin. Se jintużaw pjanti lokali li jifilħu n-nixfa, pavimentar baxx, u se tiġi installata sistema ta’ dawl kif ukoll sistema sostenibbli għall-ilma tax-xita.
Żewġ daħliet ġodda waħda minn Triq Luqa Briffa u oħra minn Triq D’Argens se jerġgħu jgħaqqdu din l-art mal-bqija tal-lokalità, u jneħħu ħajt li ilu jaqta’ s-sit mill-komunità għal aktar minn seklu. Il-ġnien se jservi kemm għar-rikreazzjoni ta’ kuljum kif ukoll għal attivitajiet komunitarji u żjarat edukattivi.
Karl Cilia, Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, qal li l-proġett jimmarka waħda mill-aktar inizjattivi importanti ta’ intervent fuq il-wirt storiku li qatt saru fl-infrastruttura tal-ilma f’Malta u l-ewwel waħda li twassal ukoll ġnien pubbliku ġdid fl-istess proġett. “Il-pumping station tal-Gżira serva lil dan il-pajjiż għal aktar minn seklu, u l-għan tagħna huwa li jkompli jagħmel dan għas-seklu li ġej. Qed nirrestawraw il-binja għall-glorja oriġinali tagħha, qed intejbu s-sistemi li jżommuha taħdem biex topera b’aktar effiċjenza u b’inqas storbju minn qatt qabel, u għall-ewwel darba fl-istorja tagħha qed niftħu l-artijiet tagħha għall-pubbliku bħala ġnien ġdid. Huwa rari li proġett iwassal benefiċċji għall-wirt storiku, għall-ambjent, għall-operat u għall-ispazju pubbliku kollha f’daqqa. Dan il-proġett jagħmel proprju dan.”
Id-disinn ta’ dan il-proġett ġie żviluppat l-ewwel internament mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u issa qed jitmexxa ’l quddiem, f’kollaborazzjoni ma’ AP Valletta, l-istudjo Malti rebbieħ ta’ diversi premjijiet li jispeċjalizza fil-wirt sostenibbli u li huwa responsabbli mid-disinn dettaljat u l-eżekuzzjoni arkitettonika tal-proġett.
Is-sit jinkludi wkoll torri tal-ilma tal-konkrit rinfurzat, wieħed mill-ftit tankijiet bikrin tal-ilma tat-tip tiegħu li għadhom jeżistu f’Malta. Wara snin ta’ manutenzjoni limitata u deterjorament il-WSC għażlet li żżomm u tirrestawra t-torri minflok tneħħih. Ir-restawr tiegħu qed jitmexxa mill-Fakultà għall-Ambjent Mibni tal-Università ta’ Malta, immexxija mill-Professur Ruben Paul Borg, awtorità rikonoxxuta internazzjonalment fil-wirt u t-teknoloġija tal-konkrit.
Lil hinn minn dan ix-xogħol, il-binja se tingħata wkoll rwol ċiviku ġdid. Meta x-xogħlijiet jitlestew, il-pumping station se tospita l-Kunsill Lokali tal-Gżira.
L-informazzjoni sħiħa dwar il-proġett, inklużi renders, pjanti, l-istorja tal-binja, u aġġornamenti kontinwi hekk kif ix-xogħlijiet javvanzaw tinsab fuq paġna ddedikata għall-proġett fuq wsc.com.mt/gzira-ps.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN