STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Ftehim settorjali ġdid għall-uffiċjali diplomatiċi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu
Ftehim settorjali ġdid tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu qed iwassal għal titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-qafas tal-karrieri għall-uffiċjali diplomatiċi f'Malta u fil-missjonijiet tagħha f'pajjiżi oħrajn.
Il-ftehim ġie ffirmat l-Erbgħa waranofsinhar fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg. Is-Segretarju Permanenti, Christopher Cutajar, u d-Direttur Ġenerali Donna Borg Micallef iffirmaw il-ftehim f'isem il-Ministeru, flimkien mad-Deputat Kap tad-Direttorat tar-Relazzjonijiet Industrijali tad-Diviżjoni dwar Nies u Standards tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mario Grixti, u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u s-Senior Manager tar-Relazzjonijiet tax-Xogħol tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), Josef Vella u Jonathan De Gabriele.
Dan il-ftehim qed ikompli jibni u jtejjeb dak miksub fil-ftehim tal-2019, filwaqt li jirrifletti r-realtajiet ġodda tad-diplomazija u r-responsabbiltajiet dejjem jikbru tal-uffiċjali diplomatiċi li jirrappreżentaw lil Malta f'diversi fora internazzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fin-negozjati sabiex intlaħaq il-ftehim. “Qed nagħmlu stqarrija ċara ta' apprezzament għall-impenn tal-uffiċjali diplomatiċi tagħna lejn pajjiżna, speċjalment f'dawn l-aħħar snin, meta servejna f'irwoli internazzjonali kruċjali fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), u anke fil-Kunsill tal-Ewropa. F'kull waħda minn dawn ir-responsabbiltajiet, Malta kisbet kull tifħir għall-ħidma u l-kisbiet tagħha," Dr Borg qal.
Filwaqt li ħeġġeġ lid-diplomatiċi preżenti biex jibqgħu impenjati li jiksbu aktar riżultati sbieħ għalihom u għall-pajjiż, tenna li “l-ftehim iffirmat illum huwa pass importanti 'l quddiem biex nibqgħu ngħollu 'l fuq isem Malta u l-prinċipji li tant ngħożżu u nistinkaw għalihom."
Is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar spjega li l-ftehim il-ġdid isaħħaħ b'mod tanġibbli d-dħul finanzjarju tal-uffiċjali diplomatiċi tal-Ministeru. L-allowance annwali għal dawn il-ħaddiema żdied b'mod sinifikanti fil-livelli kollha tal-karriera, kemm għal dawk li jinsabu f'missjoni diplomatika kif ukoll għal dawk li jaqdu dmirijiethom f'oqsma ewlenin mid-Dipartimenti rispettivi f'Malta. “Barra minn hekk, għall-ewwel darba dawn il-ħaddiema ser ikollhom bonus ta' prestazzjoni (performance bonus) li jippremjahom skont l-impenn u l-kisbiet tagħhom matul is-sena, lejn sistema li tixpruna u tirrikonoxxi l-ħidma meritovoli", kompla jispjega.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella stqarr li l-UHM ilha għal bosta snin tirrapreżenta l-Klassi Diplomatika u nnota b'sodisfazzjon li dan il-ftehim kien approvat b'maġġoranza assoluta mill-ħaddiema konċernati. Żied jgħid li “l-ftehim huwa rikonoxximent tal-kontribut li jagħtu l-ħaddiema fil-qasam diplomatiku u ser iwassal għal titjib sostanzjali fit-take-home-pay tagħhom. Dan jirrifletti l-impenn tal-UHM - Voice of the Workers li tibqa' impenjata li tkompli taħdem għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, b'rikonoxximent sħiħ lejn dawn il-ħaddiem li jagħmlu parti minn din il-Union."
Il-ftehim il-ġdid jintroduċi wkoll allowance dedikata għall-Iżvilupp Kontinwu Professjonali (CPD) biex iwieżen u jħeġġeġ lil dawn l-impjegati f'inizjattivi sabiex isaħħu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom f'qasam li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isir kumpless u delikat.
Mill-aspett tal-avvanz fil-karriera, il-ftehim il-ġdid joffri strutturi aktar ċari u flessibbli, b'mekkaniżmi li jagħrfu kwalifiki avvanzati u esperjenza relevanti, u bi żmien iqsar ta' progressjoni f'ċerti livelli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN