STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Jitlestew ix-xogħlijiet ta’ titjib tas-sistema tad-drenaġġ tal-Bajja s-Sabiħa filwaqt li jibda jingħata t-tarmak
Proġett ta' €3.1 miljun lest qabel is-sajf
Tlestew ix-xogħlijiet ta' titjib tas-sistema tad-drenaġġ ħdejn il-Bajja s-Sabiħa fil-ħin hekk kif fis-sajf tiżdied l-attività fiż-żona. Dan tħabbar mill-Ministru Miriam Dalli waqt żjara fis-sit flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia, is-Sindku ta' Birżebbuġa Scott Camilleri u membri oħra tal-kunsill lokali.
“Dan il-proġett huwa investiment importanti fil-kwalità, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà fit-tul tal-infrastruttura ta' Birżebbuġa. Billi ntejbu kemm in-netwerk tad-drenaġġ kif ukoll dak tal-ilma tax-xorb, filwaqt li nibnu mill-ġdid it-triq u l-bankini, qed niżguraw li din iż-żona tkun mgħammra aħjar biex taqdi lir-residenti, lin-negozji u lill-viżitaturi għal ħafna snin li ġejjin," qalet il-Ministru Dalli.
L-investiment ta' €3.1 miljun wassal għal titjib sinifikanti fl-infrastruttura, inkluż madwar 750 metru ta' trunk main tad-drenaġġ, 200 metru ta' main tad-drenaġġ domestiku, 750 metru ta' trunk main tal-ilma tax-xorb, u servizzi ġodda tal-ilma tax-xorb madwar id-djar. Dawn ix-xogħlijiet indirizzaw l-sfidi tal-inġinerija speċifiċi għall-operat f'ambjent ta' ilma baħar u ramel, fejn kienu essenzjali livelli preċiżi u metodi speċjalizzati biex jiġi żgurat riżultat dejjiemi fit-tul.
L-ambitu tax-xogħlijiet inkluda wkoll rikostruzzjoni sħiħa tat-triq bl-użu ta' bażi tal-konkrit u rinfurzar bl-użu ta' mesh għal aktar saħħa strutturali, kif ukoll bankini ġodda madwar it-toroq. Dan il-proġett ġedded kemm l-infrastruttura taħt l-art kif ukoll dik tal-wiċċ, u ħa jkun ta' servizz liż-żona għad-deċenji li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia rringrazzja lir-residenti, lin-negozji, u lill-viżitaturi fiż-żona għall-paċenzja u l-kooperazzjoni tagħhom matul dawn ix-xogħlijiet. “It-tlestija ta' dan il-proġett qabel is-sajf jiżgura li r-residenti, in-negozji u l-viżitaturi se jibbenefikaw minn infrastruttura mtejba matul l-istaġun sajfi. Dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li twassal infrastruttura moderna u durabbli li ttejjeb is-servizz għall-pubbliku," qal Karl Cilia.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali, Scott Camilleri, sostna li dan il-proġett huwa pass importanti sabiex is-sistema tad-drenaġġ f'Birżebbuġa tkun aktar sostenibbli u adegwata għall-ħtiġijiet tal-futur. Huwa żied li, bħala Kunsill Lokali, jirrikonoxxu wkoll l-impenn u l-investiment li sar biex Triq il-Bajja s-Sabiħa ġiet imġedda mill-ġdid, sabiex b'hekk waħda mill-isbaħ żoni fil-lokalità terġa' tingħata l-ħajja u d-dehra li tixirqilha.
F'din iż-żona qed jiġu ffinalizzati wkoll xogħlijiet infrastrutturali mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN