STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-GĦAWDEX U L-IPPJANAR
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar jiċħdu kompletament dak li ntqal illum mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut dwar il-pannelli fotovoltajiċi fuq skejjel pubbliċi.
Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista dwar il-pannelli fotovoltajiċi fuq l-iskejjel pubbliċi f’Għawdex u dak li ġie allegat dwar l-Iskola Primarja fis-Siġġiewi, huwa qarrieq u jagħti stampa mhux veritiera tas-sitwazzjoni.
Is-soqfa tal-iskejjel kollha f’Għawdex u dak tal-Iskola Primarja fis-Siġġiewi huma mgħottija b’pannelli fotovoltajiċi u huma konnessi mal-grid tal-enerġija, fil-fatt jikkontribwixxu biex jiġġeneraw ‘il fuq minn 31,940.6 kWp ta’ enerġija prodotta mix-xemx kull sena.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista naqas milli jsemmi li matul l-aħħar tliet snin, diversi skejjel f’Għawdex ġew rinovati jew għaddejjin minn rinnovazzjoni fosthom l-iskola tan-Nadur, Kerċem, l-Għarb u ż-Żebbuġ, kif ukoll dawk tar-Rabat u matul ix-xogħol xi wħud mill-pannelli fotovoltajiċi ġew imċaqalqa temporanjament waqt l-imsemmi xogħol.
Apparti dan, il-Gvern qiegħed jiċċara l-fatti dwar il-pannelli fotovoltajiċi installati fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, wara l-allegazzjonijiet li saru mill-Kelliem tal-partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li ma jirriflettux is-sitwazzjoni reali. Kuntrarjament għal dak allegat minn Sammut, dawn il-pannelli jiffunzjonaw u qed joperaw kif suppost biex jipprovdu enerġija sostenibbli lill-iskola.
Fil-fatt, biex il-Ministeru jassigura li s-sistema tibqa’ taħdem bl-aħjar mod possibbli, f’Ġunju tas-sena li għaddiet sar intervent importanti fuq l-installazzjoni eżistenti. Matul dan l-intervent ġew installati inverters ġodda, li huma komponent essenzjali għat-tħaddim effiċjenti tal-pannelli fotovoltajiċi, biex b’hekk kompliet tissaħħaħ il-prestazzjoni tas-sistema.
Barra minn hekk, il-Ministeri jimplimentaw programm kontinwu ta’ manutenzjoni preventiva fuq dawn il-faċilitajiet biex jiġi evitat kull tip ta’ ħsara jew tnaqqis fil-prestazzjoni tal-pannelli fotovoltajiċi. Din il-manutenzjoni titwettaq regolarment minn Uffiċjali tas-Servizz Pubbliku b’esperjenza u kompetenza teknika fil-qasam, filwaqt li jsiru wkoll interventi addizzjonali kull meta jkun hemm il-ħtieġa.
Il-ministeri jibqgħu impenjati li jinvestu f’soluzzjonijiet sostenibbli u favur l-ambjent fl-infrastruttura edukattiva, filwaqt li jassiguraw li l-infrastruttura eżistenti tinżamm fl-aqwa stat possibbli għall-benefiċċju tal-istudenti, l-edukaturi u l-komunità kollha.
L-allegazzjonijiet bla bażi li saru juru kemm il-Partit Nazzjonalista mhux konxju tal-fatti u qed jipprova jibni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-pjan tal-enerġija fuq skorrettezza u dikjarazzjonijiet mhux veritiera.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN