STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Iċċelebrat is-70 Sena ta’ Sigurtà Soċjali
Illum Malta qed tiċċelebra 70 Sena ta' Sigurtà Soċjali. Kien bħal-lum fl-1956 meta għaddiet il-Liġi tal-Assigurazzjoni Nazzjonali li nediet it-triq għas-sistema kontributorja tal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali.
F'Konferenza Nazzjonali bit-tema 'Kburin bil-Passat; Inħarsu l-Preżent; Nassiguraw il-Futur', esperti, akkademiċi, Diretturi Ġenerali preżenti u tal-passat u oħrajn iddiskutew il-kisbiet u l-isfidi tas-sistema tas-sigurtà soċjali f'pajjiżna.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar l-avvanz soċjali li għamlet Malta matul dawn is-70 sena u l-investiment soċjali massiċċ li sar fl-aħħar snin. Huwa qal li dan l-investiment irdoppja fl-aħħar 10 snin u minn dan gawdew eluf kbar ta' pensjonanti u anzjani, familji bit-tfal, ħaddiema, persuni b'diżabilità u persuni vulnerabbli oħra.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu qal li dan l-anniversarju ifisser li għal sebgħin sena, pajjiżna għażel li jibni fuq il-valuri tas-solidarjetà, tal-ġustizzja soċjali u fuq il-prinċipju li l-prosperità trid tilħaq lil kulħadd. Huwa saħaq li l-futur tas-sigurtà soċjali f'Malta mhux se jinbena waħdu iżda jeħtieġ impenn kollettiv minn kulħadd — tal-Gvern, tas-settur privat, tal-ħaddiema, tal-imsieħba soċjali, tas-soċjetà ċivili, u tal-komunitajiet kollha tagħna.
Intant, waqt il-konferenza saret diskussjoni minn żewġ panels dwar temi varji bħal x'kienu l-innovazzjonijiet u l-kisbiet tal-aħħar snin, it-trasformazzjoni diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali, l-aċċessibiltà tal-benefiċċji għal dawk li jeħtieġuhom, il-flessibiltà meħtieġa quddiem mudelli ġodda ta' xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u x'jeħtieġ isir sabiex waqt li s-sistema tas-sigurtà soċjali tkun adegwata, fl-istess ħin tibqa' sostenibbli fil-futur.
Fl-ewwel panel ħadu sehem Dr Marisa Scerri Professjonista fil-Politika Soċjali u l-ewwel Direttur Ġenerali tal-Politika Soċjali, Dr Aaron G Grech Chief Economist fil-Bank Ċentrali ta' Malta, Carmel De Gabriele Eks-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Soċjali, Renee Laiviera Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Prof Simon Mercieca Associate Professor fid-Dipartiment tal-Istorja fl-Università ta' Malta, u Grazio Barbara Eks-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali u fil-preżent Direttur Ġenerali tal-Pensjonijiet tas-Servizz.
Fit-tieni panel ħadu sehem George Cremona Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, Alexia Vella Direttur Ġenerali għall-Istrateġija u Implimentazzjoni tal-Politika Soċjali, Amy Jo Mifsud Membru fil-Youth Advisory Forum, Jonathan Gerada Chief Artificial Intelligence Officer tal-Gvern, Maria Micallef Chairperson tal-MCESD u Massimo Vella, Kap Eżekuttiv ta' servizz.gov.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN