STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-kiri temporanju ta’ art agrikola lil bdiewa u żgħażagħ
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar it-tnedija ta' skema mmexxija minn Riżorsi Agrikoli Malta (RAM) li permezz tagħha ser ikunu qed jinfetħu applikazzjonijiet għall-kiri temporanju ta' art agrikola fuq perjodu ta' tliet snin lill-bdiewa tal-Kategoriji 3, 4 u 5, kif ukoll lil bdiewa żgħażagħ.
Din l-iskema għandha l-għan li tipprovdi qafas strutturat biex art agrikola li tkun temporanjament trasferita lil RAM tiġi allokata b'mod ġust u trasparenti, sabiex jiġi żgurat użu sostenibbli u produttiv tar-riżorsi agrikoli f'Malta.
L-iskema hija miftuħa għal bdiewa rreġistrati li jaqgħu taħt il-Kategoriji 3, 4 u 5, kif ukoll għal bdiewa żgħażagħ taħt l-età ta' 41 sena li huma attivament involuti fis-settur agrikolu. L-applikanti eliġibbli jistgħu japplikaw biex jikru art agrikola amministrata minn RAM għal perjodu ta' tliet snin, bil-kundizzjoni li din tintuża esklussivament għall-kultivazzjoni tal-uċuħ tar-raba' għall-ikel.
Ir-rati tal-kiri huma stabbiliti skont ir-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Art Agrikola, filwaqt li l-applikazzjonijiet se jiġu evalwati permezz ta' sistema ta' punti bbażata fuq kriterji ċari. Dawn jinkludu l-esperjenza tal-applikant, il-prossimità tal-attività agrikola tiegħu għall-art mitluba, il-kwalità u l-fattibbiltà tal-pjan ta' kultivazzjoni, kif ukoll l-adozzjoni ta' prattiċi ambjentali sostenibbli.
Kull applikant għandu jissottometti applikazzjoni separata għal kull biċċa art li jkun interessat fiha. F'każ ta' punti ndaqs bejn applikanti, il-prijorità tingħata skont il-livell ta' attività agrikola lokali, id-daqs tal-operati agrikolu jew l-istandard output, kif ukoll id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.
Il-Ministru Anton Refalo qal li din l-inizjattiva tkompli tibni fuq l-impenn tal-Gvern biex jiġi żgurat li l-art agrikola tintuża bl-aktar mod effiċjenti u produttiv. Huwa saħaq li din l-iskema toffri opportunità konkreta lill-bdiewa u ż-żgħażagħ biex jespandu l-operat tagħhom, filwaqt li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel u għal settur agrikolu aktar sostenibbli u ekoloġiku.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN