STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jingħata bidu għall-bini ta’ clubhouse ġdida għall-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi b'diversi xogħlijiet f'Birżebbuġa
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b'diversi xogħlijiet fil-lokalità ta' Birżebbuġa, minn xogħlijiet infrastrutturali għal xogħlijiet f'għaqdiet differenti tal-lokal. Fost il-ħidma hemm il-promenade ta' Birżebbuġa ħdejn il-Bajja ta' San Ġorġ. Apparti minn hekk, fl-aħħar xhur saru xogħlijiet fil-klabb tal-boċċi ta' Birżebbuġa kif ukoll xogħlijiet ta' waterproofing fuq il-bejt tal-knisja ta' Birżebbuġa u fil-Birżebbuġa Aquatics Centre saru heat pumps ġodda biex il-pixxina tintuża wkoll fix-xhur xitwin.
Ingħata bidu wkoll għall-proġett tal-clubhouse il-ġdida għall-Klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa. Dan il-proġett, li kien ħolma għal għexieren ta' snin għan-nies ta' Birżebbuġa, issa se jsir realtà, hekk kif bħalissa l-Klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa jopera mill-Belt Valletta.
Dan ix-xogħol jinvolvi l-bini ta' clubhouse li se sservi wkoll ta' maħżen għad-dgħajjes, u se tkun qed tinbena viċin slipway attwali biex tkun faċli għal dan il-klabb biex ivara d-dgħajjes tiegħu. Apparti maħżen, din il-clubhouse se sservi wkoll bħala l-post uffiċjali minn fejn se jopera dan il-klabb anke mil-lat amministrattiv.
Waqt żjara, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal, “Il-ħolma li jingħata klabb tar-regatta, b'maħżen fejn anke t-tfal ikunu jistgħu jiġu hawnhekk u jitħarrġu f'dan l-isport tant importanti, issa qegħdin nagħmluha realtà. Ix-xogħol beda biswit il-parkeġġ f'Birżebbuġa u nħares 'il quddiem biex dan il-proġett inwettquh fiż-żmien stipulat sabiex dan il-klabb ikompli jkabbar il-premises tiegħu u jkompli jkabbar din l-akkademja li għandhom hawnhekk tar-regatta f'Birżebbuġa."
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa Ian Farrugia rringrazzja lis-segretarjat parlamentari għax-xogħlijiet pubbliċi għal dan il-proġett. “Permezz ta' dan il-proġett f'din il-binja se tibda titrawwem in-nursery tagħna u se jkollna maħżen f'Birżebbuġa stess kif xieraq", ikkonkluda l-president tal-klabb.
Dan il-proġett jingħaqad mas-sensiela ta' proġetti li saru, li qed isiru u li se jkomplu jsiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex ikompli jissebbaħ u jissaħħaħ ir-raħal ta' Birżebbuġa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN