STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jitlesta x-xogħol fuq elf triq fl-aħħar sentejn
Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar li matul l-aħħar sentejn, twettaq programm estensiv ta' ħidma minn Infrastructure Malta li wassal biex saru elf intervent f'toroq madwar Malta, bħala parti mill-impenn kontinwu biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Dan ix-xogħol kien jinkludi firxa wiesgħa ta' interventi, minn proġetti maġġuri fejn toroq inbnew kompletament mill-ġdid għal xogħlijiet ta' resurfacing. Fl-istess waqt, saru numru ta' xogħlijiet fuq servizzi li jgħaddu taħt l-art u ġew indirizzati bottlenecks f'numru ta' żoni strateġiċi. Dawn l-interventi jfissru toroq aktar siguri, traġitt aktar komdu u aktar effiċjenza fl-ivvjaġġar ta' kuljum. Parti importanti minn dan ix-xogħol kienet il-kollaborazzjoni mill-qrib mal-kunsilli lokali, sabiex minbarra t-toroq arterjali, jitwettaq xogħol fuq toroq residenzjali f'diversi lokalitajiet madwar Malta.
Dawn it-toroq twettqu fl-istess waqt li kompla għaddej ix-xogħol fuq proġetti infrastrutturali maġġuri oħra, inkluż dak tal-Imsida Creek, il-pjazza ta' Buġibba u r-riġenerazzjoni estensiva f'Wied il-Għajn. Dawn huma inizjattivi li qed jittrasformaw żoni ewlenin u jindirizzaw sfidi li ilhom pendenti għal snin twal.
Tul il-proċess, ingħatat importanza kbira lill-komunikazzjoni mal-pubbliku, b'informazzjoni regolari dwar ix-xogħlijiet u l-progress tagħhom. Dan wassal għal aktar koperazzjoni min-naħa tar-residenti, filwaqt li ssaħħaħ il-fiduċja fil-proġetti li qed jitwettqu.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li “Il-kisba ta' elf triq f'sentejn tirrappreżenta tragward importanti, iżda wkoll pedament għal aktar investiment fil-futur u l-impenn tagħna jibqa' dak li tkompli tinbena infrastruttura moderna, sostenibbli u ppjanata, li tilqa' għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. Din il-ħidma hija riżultat tal-impenn kollettiv ta' diversi professjonisti u ħaddiema, inklużi periti, kuntratturi u timijiet tekniċi, li kuljum qed jikkontribwixxu biex jitwasslu proġetti għall-ġid tal-komunità."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN