STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Inawgurata sala Psikoġerjatika f’San Vinċenz de Paul
Ġiet inawgurata sala Psikoġerjatrika f’San Vinċenz de Paul. Din is-Sala ġiet inawgurata mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.
Dan huwa pass importanti fit-tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa għall-anzjani, bit-tnedija ta’ sala ġdida speċjalizzata f’San Vinċenz de Paul. Din is-sala, l-ewwel tax-xorta tagħha, hija mfassla biex tipprovdi kura sa 24 anzjan li qed jgħixu b’kundizzjonijiet mediċi u mentali kumplessi.
Din l-inizjattiva twieġeb għal domanda dejjem tikber għal kura aktar sofistikata u koordinata, hekk kif il-bżonnijiet tal-popolazzjoni anzjana qed isiru aktar varjati. Is-sala se toffri livell ogħla ta’ assistenza fis-saħħa mentali f’ambjent ġerjatriku li jqis il-persuna b’mod olistiku, u li jmur lil hinn mill-kura tradizzjonali billi jindirizza kemm l-aspetti fiżiċi kif ukoll dawk mentali.
Is-servizz il-ġdid se jikkumplimenta l-faċilitajiet eżistenti ta’ kura fit-tul, billi jimla vojt importanti bejn ir-residenzi għall-anzjani u kura aktar intensiva fl-isptar. Dan ifisser li persuni li jeħtieġu kura speċjalizzata, iżda mhux dħul fl-isptar, se jkollhom aċċess għal servizz aktar adattat, effettiv u uman.
Is-sala se tkun immexxija minn tim multi dixxiplinarju ta’ professjonisti, inklużi Psikjatri speċjalizzati, ġerjatriċi u infermiera dedikati, li jaħdmu flimkien biex jiżguraw kura ta’ kwalità għolja.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif dan il-proġett jifforma parti minn trasformazzjoni usa’ fis-servizzi offruti f’San Vinċenz de Paul, bil-għan li tingħata kura aktar integrata u ffukata fuq id-dinjità u l-benesseri tal-persuna. Tenna kif il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità, inkluż permezz ta’ ċentri ġodda u inizjattivi li jippromwovu aktar għarfien u jnaqqsu l-istigma.
“Din l-inizjattiva hija eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti tista’ twassal għal sistema tas-saħħa aktar reżiljenti u effettiva, dejjem fl-aħjar interess tal-pazjent. Ser nibqgħu naħdmu biex noffru l-aqwa kura ta’ saħħa lill-pazjenti Għawdxin u Maltin”, temm jgħid Dr Abela.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea rringrazzja lill-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul li kollettivament stinkat sabiex dan il-pjan ambizzjuż issa sar realtà. Dr Agius Galea enfasizza kif fil-fatt din is-sala psikoġerjatrika hija biss tarġa oħra minn sensiela ta’ proġetti mwettqa tul l-aħħar snin li grazzi għalihom San Vinċenz de Paule qed ikompli jagħti servizz ta’ kura u attenzjoni dejjem aktar olistika.
“Ċertament qed jissokta bla waqfien l-immodernizzar tal-infrastruttura ġewwa San Vinċenz de Paule iżda kollox fuq kollox qed inkomplu ninvestu fil-professjonisti tagħna sabiex il-kwalità tas-servizzi offruti tibqa’ tal-ogħla livell,” temm jgħid Dr Agius Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN