STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jibdew l-istudji ġeotekniċi fil-Furjana għar-Rapid Transit System bħala parti mill-pjan Malta in Motion
Il-proġett tar-Rapid Transit System (RTS), li huwa parti integrali mill-pjan nazzjonali Malta in Motion u li se jiġi implimentat tul is-snin li ġejjin, laħaq stadju importanti hekk kif bdew l-ewwel studji ġeotekniċi fuq sit tul ir-rotta proposta fil-Furjana.
Dan l-iżvilupp jikkonferma li l-pjan Malta in Motion huwa wieħed serju u mibni fuq studji dettaljati, b’ħidma preparatorja li diġà bdiet fuq il-post. Dan huwa wkoll parti minn proċess importanti li proġett infrastrutturali ta’ din il-portata jeħtieġ li jsir bir-reqqa.
L-għan huwa li tinġabar informazzjoni essenzjali dwar il-materjal li jinsab taħt l-art sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex adattat għall-istrutturi meħtieġa. Dan ix-xogħol jirrikjedi t-teħid ta’ kampjuni sa fond ta’ madwar 50 metru mill-wiċċ tat-triq eżistenti b’apparat speċjalizzat. Il-materjal u l-blat li jinstabu se jiġu analizzati biex jiġi determinat it-tip tagħhom, il-ħxuna, il-livell ta’ fissuri, kif ukoll jekk hemmx saffi ta’ ħamrija jew materjal ieħor.
L-istudji se jidentifikaw ukoll il-preżenza ta’ ilma taħt l-art u kif il-livell tiegħu jinbidel maż-żmien. Din l-informazzjoni hija kruċjali biex il-kostruzzjoni tkun ippjanata b’mod effiċjenti u b’miżuri adegwati relatati mal-immaniġġjar tal-ilma waqt ix-xogħlijiet.
Il-kampjuni miġbura se jgħaddu minn sensiela ta’ testijiet speċjalizzati, inklużi testijiet fuq id-densità, l-umdità, is-saħħa tal-blat u l-kompożizzjoni kimika tal-materjal, sabiex jitfasslu disinji u stimi tekniċi dettaljati għall-fażijiet li jmiss.
Waqt żjara fuq is-sit fil-Furjana, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, qal li dan l-iżvilupp jimmarka tragward importanti fil-ħidma biex tiġi żviluppata sistema ta’ light railway li se tkun fil-qalba ta’ mezzi oħra ta’ trasport, sabiex tinħoloq sistema waħda, integrata u effiċjenti ta’ trasport tal-massa għal pajjiżna. Il-Ministru Bonett qal li “dawn it-testijiet se jiddeterminaw it-tip ta’ blat u materjal li hemm taħt l-art biex jgħinu fit-tfassil tas-siti li minnhom se tgħaddi l-La Valette Line bħala parti mir-Rapid Transit System.”
Il-Perit Janice Borg, Chief Operations Officer fi ħdan Infrastructure Malta, spjegat il-proċess li qed isir biex jiġi identifikat it-tip ta’ materjal taħt l-art u kif dawn il-kampjuni se jiġu ttestjati f’laboratorji fejn jiġi determinat id-densità u s-saħħa ta’ dan il-blat. “Barra minn hekk, jekk jinstab materjal bħal ħamrija, isiru numru ta’ testijiet oħra, filwaqt li jista’ jkun hemm bżonn li jinbidel il-makkinarju biex dan jiġi estratt.”
Il-Gvern qed ikompli jwettaq il-viżjoni tiegħu biex Malta jkollha sistema ta’ mobilità moderna li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u tħares lejn il-bżonnijiet tal-futur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN