STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL
Pannelli bla Bejt: Se jiġu installati 4,000 pannelli solari, u b’hekk l-investiment fl-enerġija rinnovabbli se jinfetaħ għall-familji li m’għandhomx aċċess għall-bejt
Tnieda l-proġett Pannelli bla Bejt, li se jara 4,000 pannell fotovoltajku installati fuq 10 ġibjuni addizzjonali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma madwar Malta u Għawdex.
Ladarba l-pannelli PV ikunu f’posthom, familji li m’għandhomx aċċess għall-bejt tagħhom stess se jiġu mistiedna jinvestu fl-installazzjoni. Madwar 500 familja se jkollhom l-opportunità li jibbenifikaw mid-dħul li tkun qed tiġġenera.
Il-proġett tħabbar b’mod konġunt mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia.
“Kull proġett li nagħmlu u kull pannella li ninstallaw iressaqna eqreb lejn taħlita ta’ enerġija aktar nadifa li tista’ tgħinna niddekarbonizzaw l-ekonomija tagħna. Inkomplu nżidu l-kapaċità solari tagħna u nkomplu naħdmu fuq diversi proġetti ta’ enerġija rinnovabbli, u b’hekk immexxu t-transizzjoni tagħna lejn sistema ta’ enerġija aktar nadifa,” iddikjarat il-Ministru Miriam Dalli, filwaqt li rreferiet ukoll għall-installazzjonijiet li diġà saru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-Fiddien, il-Qrendi, Ta’ Ċenċ, Ta’ Qali, Bulebel, iċ-Ċirkewwa, Lapsi u Pembroke, u għal siti oħra li qed jiġu żviluppati f’Ħal-Luqa, Ta’ Barkat u n-Naxxar.
Ladarba tkun fl-istadju operattiv, l-installazzjoni hija mistennija li tiġġenera madwar erba’ miljun kilowatt kull siegħa ta’ elettriku nadif fl-ewwel sena tagħha, ekwivalenti għal tnaqqis ta’ madwar 1,500 tunnellata ta’ emissjonijiet tal-karbonju kull sena. Il-Korporazzjoni qed talloka tliet miljun ewro f’investiment kapitali biex tipprepara l-infrastruttura madwar l-għaxar siti, b’żewġ miljun ewro oħra allokati għall-installazzjoni tal-pannelli nfushom fil-fażi finali tal-proġett.
L-iskema kienet possibbli permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, li b’mod konġunt żguraw l-investiment kapitali meħtieġ għax-xogħlijiet preparatorji. Il-Ministru Byron Camilleri fassal l-inizjattiva bħala pass prattiku fit-twessigħ tal-aċċess għat-transizzjoni rinnovabbli, fejn innota li “Fl-aħħar ġimgħat kont preżenti għal diversi tħabbiriet u avvenimenti, biex bħala Ministru responsabbli miċ-ċittadinanza nesprimi l-appoġġ tiegħi lejn numru ta’ proġetti strateġiċi b’għanijiet ċari ħafna, li meta tiġborhom flimkien, ser jagħmlu differenza pożittiva f’ħajjet in-nies. Illum qed niffokaw fuq dan il-proġett ambjentali mill-aktar importanti u l-Gvern qed iżid l-inizjattivi fejn permezz ta’ bini u postijiet pubbliċi jmexxi bl-eżempju u jkun pro-attiv. Għalhekk il-proġett li deħlin għalih huwa wieħed importanti li fih ser jinvesti l-pubbliku li m’għandux aċċess għal bejt u li se jagħtihom ritorn tajjeb. Allura huwa investiment li jagħmilhom parti minn din it-transizzjoni ambjentali li qegħdin inwettqu bħala pajjiż.”
Skont il-mudell, il-familji li jipparteċipaw se jagħmlu investiment ta’ darba ta’ €6,000, u b’hekk jiżguraw allokazzjoni ta’ tmien pannelli fotovoltajċi b’produzzjoni annwali stmata ta’ 7,500 kWh. Kull familja li tipparteċipa se tirċievi dħul medju ta’ €840 fis-sena, u b’hekk tiġġenera dħul totali ta’ flus kontanti ta’ €16,788 matul il-perjodu ta’ għoxrin sena. Il-mudell juri perjodu ta’ rkupru ta’ madwar seba’ snin u rata interna ta’ qligħ prevista ta’ madwar 13%. Iċ-ċifri finali tar-ritorn se jiġu kkonfermati ladarba tiġi kkonfermata l-allokazzjoni tal-feed in tarriff. Il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia enfasizza li l-parteċipazzjoni ma ġġorr l-ebda piż operattiv, u spjega li “ladarba familja tinvesti, il-KSI tieħu ħsieb kollox – is-sit, il-bini, il-konnessjoni mal-grid, il-manutenzjoni, il-monitoraġġ u d-dħul”. Huwa żied jgħid li, “Ir-rwol tal-parteċipant huwa sempliċiment li jinvesti, u mbagħad li jirċievi d-dħul iġġenerat mis-sehem tiegħu”.
It-tħabbira tal-lum timmarka l-bidu tal-fażi preparatorja tal-proġett. Is-sejħa għall-offerti għall-infrastruttura se tinħareġ dalwaqt u ċerti xogħlijiet ċivili se jibdew immedjatament. Is-sejħa pubblika għall-familji interessati li jinvestu se tinħareġ ladarba l-pannelli jkunu lesti biex jiġu installati. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tippubblika l-informazzjoni kollha fuq il-websajt tagħha u se tiftaħ formola ta’ reġistrazzjoni li tippermetti lill-membri tal-pubbliku biex jirċievu aġġornamenti direttament. Il-komunikazzjoni uffiċjali kollha se tiġi mgħoddija permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Id-dettalji kollha jistgħu jinkisbu mis-sit pannelliblabejt.com.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN